IL-POLITIKA BĦALA GĦODDA GĦALL-BIDLA

Il-politika għalija għandha tkun bidla, dik il-bidla kontinwa li timxi maż-żminijiet u li tifhem id-diversifikazzjonijiet tal-mument mingħajr ma jitwarrbu l-valuri essenzjali li jiffurmaw l-ideoloġija tal-politika li għandha tkun ibbażata dejjem fuq is-sens ta’ demokrazija; ta’ ġustizzja soċjali; ta’ emanċipazzjoni soċjali u edukattiva; ta’ konsistenza; ta’ effettività; u ta’ lealtà. Nifhem li l-politiku għandu l-obbligu li jwassal għall-bidla b’determinazzjoni u b’konvinzjoni, il-bidla li tegħleb il-politika partiġġjana tradizzjonali biex isservi għal nazzjon li huwa ’l fuq mill-Partiti Politiċi.

Għax nemmen li “Change will not come if we wait for some other person or some other time.” Inqis li  “we are the ones we’ve been waiting for, we are the change that we seek.”  Din il-filosofija hija l-essenzjalità tal-ideoloġija politika li nħaddan bħala politiku li qiegħed nagħti l-opportunità ta’ tiġdid fil-Partit Nazzjonalista biex inservi lil pajjiżi fl-ogħla Istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament. It-tiġdid iwassal għall-bidla, il-bidla li sservi għall-ġenerazzjoni politika li jmiss. Jien inqis l-involviment politiku tiegħi ta’ Kandidat tal-Partit Nazzjonalista bħala opportunità biex inwettaq dawk il-bidliet li huma imperattivi għan-nies u li għal ħafna snin baqgħu qatt ma ġġeneraw biżżejjed attenzjoni, jew ġew posposti biex qatt ma ttieħdet azzjoni konkreta fl-aktar oqsma fundamentali tal-pajjiż fosthom: 

l-edukazzjoni li għandha tilħaq lil kulħadd bla ebda distinzjoni u tagħti l-attenzjoni mhux biss lil dawk li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim imma saħansitra lil dawk li jistgħu jimirħu u javvanzaw ’il quddiem; 

  • il-ġustizzja soċjali li għandha tagħraf il-vera ħteġijiet ta’ dawk li huma vulnerabbli u tieqaf lill-inġustizzji u lill-abbużi; 
  • il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni li qiegħda tagħmel ħafna pressjoni fuq il-livell ta’ għajxien u l-mod li bih ingawdu dak li huwa tagħna l-Maltin; 
  • l-ambjent li huwa kontinwament assedjat minn żvilupp insostenibbli li qed ikompli jnaqqas l-ispazji miftuħa għall-familji Maltin tal-lum u ta’ għada; 
  • l-anzjanità attiva li tagħti d-dinjità lil dawk li għandhom dritt ikomplu jkunu parti mis-soċjetà tagħna u fil-komunitajiet lokali; 
  • it-tfal u ż-żgħażagħ li jridu jingħataw kull opportunità biex jiffurmaw il-pajjiż li jridu jgħixu fih għada skont il-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom li mhux dejjem ikunu mogħtija biżżejjed importanza; 
  • il-governanza trasparenti li permezz tagħha l-politiċi jservu fil-politika għall-ġid komuni lil hinn mill-interessi tal-Partiti Politiċi u tal-ħbieb tagħhom; 
  • il-kreattività u l-arti li f’dan il-pajjiż mhumiex rikonoxxuti skont l-importanza li rridu nagħtuhom sabiex inwelldu ġenerazzjonijiet li jaħsbu u jwettqu; 
  • l-isport li jista’ jgħin lil pajjiżna jsir aktar attiv u jegħleb il-problema tal-obeżità jekk biss irrawmu kultura u mentalità ġdida sa mill-etajiet bikrin; u 
  • l-governanza lokali li għandha tkun rikonoxxuta bħala servizz bla preċedent lir-residenti tal-lokalitajiet tagħna b’aktar investiment, organizzazzjoni u impenn professjonali.

Jien nemmen li “The way to get things started is to quit talking and begin doing” . Dan huwa l-impenn, din hija l-wegħda tiegħi, u qed nappella għall-appoġġ tiegħek biex flimkien inwettqu l-bidla li għandha tkun il-futur #tagħkom.