IL-ĠUSTIZZJA SOĊJALI

IL-ĠUSTIZZJA SOĊJALI għandha tagħraf il-vera ħteġijiet ta’ dawk li huma vulnerabbli u tieqaf lill-inġustizzji u l-abbużi. Dak li jidher impossibbli, huwa diffiċli imma mhux dejjem impossibbli. F’dan is-sens, il-frażi tal-poeta Ruman Virgil, “Jistgħu għax jemmnu li jistgħu” issaħħaħ lil dan l-argument, u hija frażi li għandha tkun il-qafas tat-twettiq tal-politika tagħna. Il-kawża għall-ġustizzja soċjali ma hix kawża li rridu nitħabtu għaliha biss fl-għeluq tal-Parlament jew fil-ftuħ tal-midja soċjali, imma hija kawża li rridu niksbuha b’konvinzjoni għax nemmnu li kulħadd huwa ugwali, u kulħadd għandu jkollu l-istess drittijiet, kemm edukattivi u kemm soċjali. Din il-kawża għas-sewwa, mhix kawża ta’ ftit jiem, jew ftit xhur, imma għandha tkun il-pjattaforma li għandha ssaħħaħ lil pajjiżna biex issir ġustizzja. Irridu nassiguraw li nwettqu politika meritokratika li fiha l-frażi “mhux kemm taf imma lil min taf” ma tibqax aktar sinonima magħna l-Maltin, meritokrazija li kulħadd jieħu li ħaqqu lil hinn mill-affiljazzjoni politika tiegħu. Sal-lum, għad għandna ħafna familji li qed ibatu inġustament għaliex ma nagħtux prijorità lill-bżonnijiet veri. 

Għalhekk, wasal iż-żmien li f’pajjiżna naraw ġustizzja soċjali mal-2600 familja li verament għandhom bżonn akkomodazzjoni soċjali , ngħinu lill-koppji żgħażagħ jaffordjaw l-ewwel dar billi l-proprjetà tkun affordabbli u fl-istess waqt niġġieldu l-abbużi ta’ min qiegħed jibbenifika minn kull forma ta’ għajnuna soċjali, sew housing, sew pensjonijiet u benefiċċji oħra. Din hija sfida li rridu nikkumbattulha u nirbħuha biex innaqqsu l-17.1% tal-Maltin li qegħdin f’riskju ta’ faqar. 

Irrid nara aktar ġustizzja soċjali mal-familji li mhumiex ilaħħqu mal-ħajja u għalhekk qed jonqsu milli jgħixu bl-aktar bżonnijiet elementari. Minħabba dawn il-kundizzjonijiet sfortunati, tfal li ġejjin minn familji li għandhom diffikultajiet finanzjarji, l-edukazzjoni tagħhom mhijiex qed tingħata biżżejjed attenzjoni tant li qed tiżdied is-segregazzjoni bejn dawk li għandhom l-appoġġ mid-dar u dawk li le. Dan qiegħed iwassal biex illum għandna għexieren ta’ żgħażagħ li qed joħroġu mis-snin tal-iskola obbligatorja mingħajr l-aktar ħiliet importanti. Irrid ġustizzja ma’ dawn iż-żgħażagħ, irrid naraw jirnexxu wkoll. 

Neħtieġu ġustizzja ma’ dawk kollha li qed jistennew sentenza mill-Qorti, uħud ilhom jistennew għal snin twal, u fl-istess żmien, ħafna biddlu ħajjithom u rriformaw ruħhom. Ma nistgħux nibqgħu nħallu l-ħajjiet tan-nies imdendla biex xi darba nagħtuhom sentenza u rreġġgħulhom ħajjithom b’lura. Il-medja ta’ każi relatati ma’ ħasil ta’ flus jieħdu mal-2,250 jum, 1,100 għal kawża ċivili u 1000 jum għal każijiet amministrattivi . 

Il-ġustizzja soċjali trid issir ukoll mal-ħaddiema li mhumiex jitħallsu daqskemm huwa dovut lilhom. Għandna okkażjonijiet fejn l-idea ta’ “equal job – equal pay” hija ineżistenti għalkollox. Mhux biss, sal-lum għadna lura żżejjed fl-ugwaljanza tal-ġeneru, bil-mara taqla’ 12% anqas mir-raġel. Il-‘Gender Equality Index 2019: Work-Life Balance’ jara lil Malta fil-15-il post minn 22 fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u jikkonferma li pajjiżna għandu l-akbar ‘gender gap’ meta niġu għall-mara fl-impjieg . Dan qiegħed jaffettwa l-miżuri tal-family friendly li mhumiex ġusti, ekwi u tal-livell Ewropew. 

Għalkemm Malta tissodisfa l-kriterji kollha għad-drittijiet LGBTQI f’Malta skont ir-rapport annwali ILGA , u minkejja li Malta tirrikonoxxi diversi drittijiet fosthom iż-żwieġ bejn l-istess sess, inħoss li għad ma hawnx biżżejjed ġustizzja soċjali ma’ persuni LGBTQI u għadna lura ħafna fil-livell edukattiv. Irridu għalhekk nirrikonoxxu aktar mhux id-drittijiet legali imma d-drittijiet soċjali ta’ dawk LGBTQI u naħdmu, permezz tal-edukazzjoni, biex Malta tkun aktar emanċipata