L-EDUKAZZJONI

L-EDUKAZZJONI għandha tilħaq lil kulħadd bla ebda preċedent u tagħti l-attenzjoni mhux biss lil dawk li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim imma saħansitra lil dawk li jistgħu jimirħu u javvanzaw ’il quddiem. Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, adottat min-Nazzjonijiet Uniti lura għall-1948 hija dikjarazzjoni li tirrifletti daqstant ieħor il-Kostituzzjoni ta’ Malta u tagħmel enfasi li l-edukazzjoni obbligatorja hija dritt fundamentali tal-bniedem u għandha sservi bħala t-tisħiħ tal-individwu waqt li twassal għal drittijiet u libertajiet fundamentali oħra. Kofi Annan, rebbieħ tal-Premju Nobel għall-kontribut tiegħu fl-edukazzjoni, jafferma li l-edukazzjoni hija dritt uman b’qawwa tremenda li tittrasforma. Fil-qofol tal-edukazzjoni għandha nsibu l-libertà, id-demokrazija u l-iżvilupp sostenibbli uman. L-edukazzjoni ma hix privileġġ imma hija dritt.  

Minn perspettiva ta’ drittijiet umani, l-edukazzjoni għal kulħadd ma tfisser xejn, imma għandna nibdew naħdmu biex nassiguraw edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd. Mhuwiex biżżejjed, li pereżempju f’Malta jkollna statistika sodisfaċenti ta’ tfal li jattendu l-iskola obbligatorja, imma rridu ntejbu l-istatistika li tikkonferma s-suċċess edukattiv li llum jinkorpora wkoll dak vokazzjonali. Madankollu, il-mod ta’ kif l-għarfien, il-ħiliet u l-valuri huma mgħallma huwa importanti daqskemm huwa importanti l-kontenut mgħallem. Huwa għalhekk li l-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal tafferma kategorikament li kull tifel u tifel għandu jkollhom id-dritt għal edukazzjoni kwalitattiva u fl-istess waqt jingħataw kull opportunità għal parteċipazzjoni miftuħa fil-proċess edukattiv imma wkoll ikunu ttrattati b’dinjità sabiex jilħqu l-milja tal-potenzjali tagħhom, hekk kif stabbilit f’artiklu 29 tal-istess Konvenzjoni.        

Konsegwentement, skont l-idea żviluppata minn Katarina Tomasevski riferuta bħala ‘4As’ , l-edukazzjoni għandha tkun Aċċessibbli (Accessible) – bla ebda diskriminazzjoni, Aċċettabbli (Acceptable) – fejn il-kontenut u rilevanti u validu għall-kuntest soċjali u kulturali, Addattata (Adaptable) – fejn l-edukazzjoni tevolvi mal-bidliet meħtieġa tas-soċjetà, u Disponibbli (Available) – jiġifieri mingħajr ħlas u toffri l-aħjar professjonisti possibbli. Minkejja kollox, għal ħafna u ħafna studenti, anke f’Malta, dawn l-erba’ kriterji għadhom mhumiex qed jintlaħqu għalkollox.

L-edukazzjoni għandha fil-fatt tkun ibbażata fuq dawn l-erba’ pedamenti sabiex tkun qiegħda toffri t-tagħlim għall-ħajja u mhux biss tkopri dak li huwa akkademiku. L-edukazzjoni għandha tkun aktar utli, relevanti u sostenibbli, u biex dan isir, irridu nitilqu lil hinn mill-idea li l-edukaturi huma d-dittaturi tal-fatti imma jkunu dejjem aktar edukaturi li jrawmu tfal ħassieba, kritiċi, analitiċi u kurjużi.  Is-sistema edukattiva tagħna, għalhekk, f’dan ir-rigward, teħtieġ bidla fundamentali u din tista’ ssir biss jekk verament nemmnu li nistgħu inbiddlu l-ideal ta’ ‘edukazzjoni bħala dritt’ għal ‘edukazzjoni ta’ kwalità bħala dritt’ li sservi għal u lill-ġenerazzjonijiet li jmiss. Daqskemm l-edukazzjoni hija dritt, daqstant ieħor irridu nikkommettu ruħna li noffru l-aħjar opportunitajiet edukattivi, u għalhekk ikun xieraq li nibnu edukazzjoni li tistrieħ fuq dak li tipproponi l-Istrateġija 2020 tal-Bank Dinji: “ninvestu kmieni, ninvestu bil-għaqal, u ninvestu f’kulħadd”. 

Fi kliem Nelson Mandela, l-edukazzjoni hija l-aqwa arma sabiex biha tbiddel id-dinja. Attwalment, pajjiżna mhuwiex jirrikonoxxi l-qawwa ta’ din l-arma, din iċ-ċavetta tal-opportunitajiet. Quddiem soċjetà li għandha ħafna mill-valuri tagħha mwarrba, għal ħajja aktar mgħaġġla, quddiem soċjetà li għandha diffikultajiet sabiex tilqa’ d-diversifikazzjoni soċjoloġika, kulturali, etnika u reliġjuża, hija l-edukazzjoni li tista’ tkun il-ħolqa bejn illum u għada, imma dan ma jistax isir jekk ma ninvestux bis-serjetà fir-riżorsa umana li hija l-moħħ wara l-iżvilupp edukattiv. L-edukazzjoni tistrieħ għalkollox fuq ir-riżorsa umana, għaliex huwa l-bniedem-edukatur li jrid iħalli t-timbru fuq ħajjet uliedna, u jiena ma għandi l-ebda dubju mill-integrità fl-ideal ta’ kull edukatur li jrid biss is-suċċess. Is-suċċess mhuwiex fil-marki, fl-assessjar, imma s-suċċess huwa fl-iżvilupp ta’ wliedna. Lil hinn mill-matematika, mil-lingwi, mix-xjenzi, mis-suġġetti kollha, l-edukazzjoni tifforma l-karattri ta’ għada, tibni l-istituzzjonijiet ta’ għada, tikkumplimenta soċjetà li l-għaġna tagħha hija biss f’idejn l-edukatur.