Blog

Il-Ġiraffi tal-Pjazza
-
in Politika
Il-politika hija biss servizz lin-nies. Jekk dan jinżamm bħala l-argument ewlieni għal kull deċiżjoni politika, allura l-ħajja tkun aħjar. Irrispettivament minn kull argument ieħor, il-politika qiegħda hemm biex isservi, u għalhekk il-passjoni tal-politiċi għandha tkun biss is-servizz. L-istess jista’ jingħad għall-verità. Il-verità ddejjaq lil ħafna, tweġġa’ lil ħafna imma finalment tibqa’ dejjem il-verità, anke jekk għandha togħma morra u qarsa. Il-verità għandha tingħad, anke jekk mhix sabiħa, u ħafna drabi, fil-politika, min jattakka lill-politiku li jitkellem dwar il-verità u l-fatti ma jkun qed jagħmel xejn ħlief jikkonfermalu kemm għandu raġun.
Jgħidu li min ma jistax jirbaħ l-argument, jattakka personalment. L-attakki personali ma għandhom qatt ibeżżgħu lill-politiku li jkollu determinazzjoni konvinta li qiegħed jagħti servizz lill-kostitwenza tiegħu, li qiegħed jaqdi l-funzjonijiet li għalihom huwa magħżul biex jirrappreżentahom, anzi għandhom jagħtuh is-saħħa psikoloġika biex ikompli jfettaq u jfittex li jibqa’ għaddej. Mill-esperjenza tiegħi fil-politika tgħallimt li l-anqas politiku li jaqla’ huwa l-politiku li jxaqleb lejn l-irrelevanza, dak il-politiku li ma jkun qed jagħmel ebda differenza fil-ħajja tan-nies. L-irrelevanza politika kif naraha jiena, tinħass iżżejjed f’ħafna taparsi-politiċi li għandhom biss intenzjoni waħda – dik li jitmexxew minn ħaddieħor bla ma qatt jieħdu l-inizjattiva huma stess. Sfortunatament pajjiżna għandu ħafna minn dawn it-taparsi-politiċi li ma jagħmlu ebda differenza, u għalhekk huma biss irrelevanti. L-irrelevanza tagħhom tagħtihom biss il-kuraġġ li jħallu lil min imexxihom u jitfagħlhom il-kliem f’ħalqhom. Oħrajn, isegwu, anzi jiffolowjaw, mingħajr ma jifhmu f’liema direzzjoni sejrin għax huma l-boloh tal-politika li ġew fdati biex jaħsbu, u biex jieħdu d-deċiżjonijiet u ħafna qas għandhom moħħ u ħafna ma għandhomx sens ta’ direzzjoni. Huma dawn il-mumenti li jfakkruna f’dik il-famuża kwotazzjoni li tgħid li l-battalja mal-injurant hija dejjem battalja mitlufa.
Dawn l-argumenti jġibuni għall-argument tal-lum, dak dwar l-‘illużjoni tal-kontroll’ li tiddetermina kemm il-bniedem jemmen li huwa effettiv u fil-kontroll. Fis-sewwa, il-bniedem għandu ħafna anqas kontroll minn kemm jemmen li għandu, imma ħafna drabi, dan ma jarahx jew jagħżel li ma jarahx għax jintilef fil-banalitajiet irrelevanti. Din l-illużjoni naraha f’din l-istorja: ‘Darba kien hemm raġel li ta’ kull filgħodu kien imur fil-misraħ ewlieni ta’ Belt żewġ mili ’l bogħod mill-ġungla u joqgħod ixejjer f’daqqa kappell kbir aħmar, u ta’ kuljum kien iqatta’ ftit ħin sewwa jxejjer u jiġri min-naħa għal oħra tal-misraħ. In-nies għamlitu b’iblah, dratu u qas baqgħet tagħti kasu. Iżda darba waħda, pulizija żagħżugħ deherlu li għandu jmur fuqu jistaqsih x’qed jagħmel bl-istess frattarija kuljum. Huwa kien pront wieġbu li qiegħed hemm igerrex il-ġiraffi milli jiġu fil-misraħ minħabba n-nies. Il-pulizija dar lejh mistagħġeb u wieġbu lura li dak li qed jagħmel huwa kollu ta’ xejn għaliex lejn il-misraħ ma hemmx ġiraffi. Dan il-ħabib ġwejjed tagħna wieġbu lura b’konvinzjoni li ma hemmx ġiraffi fil-misraħ grazzi għalih għax qed jagħmel xogħlu tajjeb u jgerrixxhom hu!’ Meta tħares lejn din l-istorja minn perspettiva litterali, tasal biex titbissem u tieħu l-istorja ta’ li hi, imma meta taraha minn perspettiva simbolika tinnota li l-iblah għandu raġun jekk irid jemmen li għandu raġun, għaliex l-illużjoni tal-kontroll qiegħda ġġagħlu jemmen li l-ġiraffi mhux jinżlu fil-misraħ grazzi għalih u għalih biss.
Kemm narawha fil-politika din! Kemm għandna min jemmen li jista’ fil-kontroll billi jxejjer idu u lsienu bħalma l-iblah tal-misraħ xejjer il-kappell. Imma l-verità hija li l-ġiraffi mhux jinżlu fil-misraħ mhux għaliex hemm dak l-iblah ixejjer il-kappell imma għax fil-belt ma hemmx ġiraffi! Kultant, dak li jkun, fil-politika jifraħ għax iblah, imma mal-fatti u mal-verità ma hemmx ċajt. Sadanittant, jibqa’ jxejjer l-irrelevanza mal-kappell fil-misraħ.