Iċ-Ċrieki tal-Kompetenza

Mhux l-ewwel darba li nisimgħu diskors dwar il-politika tan-nies u għan-nies. Fi kliem ieħor, il-politika fil-qalba tal-komunità hija dik li tista’ toħloq konnessjoni bejn il-magna ta’ partit politiku u l-komunitajiet. L-esperjenza politika fil-livell ta’ komunità għaldaqstant għandu jkun il-qofol tal-ħsieb u tal-filosofija politika li jħaddan partit jekk ma jridx jitbiegħed mill-polz tas-soċjetà. Ħafna drabi, dan huwa biss diskors retoriku li mhux dejjem nagħtuh l-importanza li għandu jingħata. Nemmnu, aktar minn kemm għandna nemmnu, li l-magna politika fl-intern tal-Partit hija fil-kontroll assolut ta’ kollox, imma ftit nintebħu li din tal-‘kontroll assolut’ hija biss ‘illużjoni’. Għalhekk, tajjeb li l-politika tkun ifframmentata fi ċrieki ta’ kompetenza. 

L-argumenti tal-investitur Amerikan Warren Buffett dwar l-idea tas-‘Circle of Competence’ jgħallmuna l-importanza li nagħrfu sewwa u nżommu mal-oqsma li fihom għandna kompetenza assoluta. Aktar minn hekk, ma għandna qatt nirfsu ’l barra minn dan iċ-ċirku tal-kompetenza tagħna. Irrid norbot dan l-argument mal-idea tal-politika fil-livell lokali jew aħjar komunitarju, dak li fih qiegħed nara din l-istess idea ta’ ċirku tal-kompetenza. 

Mela, biex nibda nfisser ruħi aħjar, jekk kellna nagħrfu u nqisu l-Kumitati Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista bħala ‘ċrieki’ li għandhom għarfien assolut tal-lokalitajiet li jirrappreżentaw, nibdew nifhmu kif il-politika tista’ tkun effettiva għaliex tkun applikabbli għal kull realtà li ġeneralment mhix fil-kontroll tal-magna tal-Partit. Kieku kellna naraw partit politiku fil-forma ta’ trijangolu, bit-tmexxija fuq nett u l-Kumitati Sezzjonali isfel nett, il-livell lokali għandu jkollu ħafna aktar importanza fit-tifsil politiku appuntu għal hekk, għaliex huma jiffurmaw iċ-ċirku tal-kompetenza tal-filosofija politika u ideoloġika tal-lokalitajiet li jirrappreżentaw. 

Minkejja li nitkellmu ħafna dwar l-importanza tal-Kumitati, mhux dejjem għandna Kumitati Sezzjonali effettivi għall-għanijiet politiċi. Inħoss li matul iż-żmien, il-Kumitati tbiegħdu sewwa mill-funzjoni politika tagħhom u l-essenza politika f’sens ta’ tifsil huwa pjuttost ineżistenti. Jekk verament irridu li l-politika tkun tan-nies, allura mibnija min-nies u għan-nies (anke din hija retorika li tqarreb lejn il-clichè), irridu nikkunsidraw il-funzjoni politika tal-istess Kumitati. Il-kumitati jew il-fergħat politiċi jkunu irrelevanti u infunzjonabbli jekk kemm-il darba ma jservux bħala pjattaforma għat-tifsil tal-politika, u nħoss li ħafna mill-Kumitati Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista llum, mhumiex strument għat-tifsil politiku imma sempliċiment Kumitat li jservi biss funzjonijiet anċillari għall-Partit li meħtieġa kemm huma meħtieġa mhumiex biżżejjed.

F’dan il-kuntest, għalhekk irridu nikkunsidraw li t-tiġdid fil-Partit Nazzjonalista jkun mifrux ukoll fil-Kumitati billi tissaħħaħ l-organizzazzjoni politika tagħhom ħalli jservu bħala ‘Circles of Competence’ lokalizzati. L-istrateġija politika tal-Partit Nazzjonalista ma tistax tkun dejjem ibbażata fuq il-ħteġijiet nazzjonali biss. Għalhekk, jekk il-Kumitati Sezzjonali ma jaħdmux f’sinkronizzazzjoni assoluta mad-Deputati eletti fid-Distretti rispettivi u wisq aktar mal-Kunsilliera Lokali, iqarrbu lejn l-irrelevanza. Fi żmien fejn id-dinja politika hija żviluppata għax evolviet minħabba t-teknoloġija u l-midja soċjali, il-Kumitati Sezzjonali jridu jaġġornaw u jiffunzjonaw b’modi online daqskemm b’modi tradizzjonali. Ma narax li qatt jistgħu jkunu relevanti jekk jibqgħu joperaw bil-mentalità tat-tmeninijiet, għaliex id-dinja nbidlet u magħha nbidlet il-politika, inbidlet l-importanza politika u nbidlu l-ħteġijiet politiċi b’mod kollettiv. 

Irridu nħarsu ’l quddiem u nevolvu wkoll, nagħrfu l-importanza tat-tiġdid fil-livell sezzjonali biex naġġornaw il-politika tagħna ħalli l-Kumitati jkunu verament qed iservu l-għan tagħhom li jkunu ċirku ta’ kompetenza lokalizzat biex jgħinu fit-tifsil politiku li ma jridx jibqa’ biss ankrat mat-tesserament u l-ġbir ta’ fondi. Irrid nara aktar Kumitati Sezzjonali li jressqu ‘Policy Papers’, Studji riċerkati, Statistika speċifikata għal-lokalitajiet; Kumitati Sezzjonali li jorganizzaw Seminars, Attivitajiet ta’ diskussjoni politika ta’ livell, Diskussjonijiet u Avvenimenti online biex ninqalgħu minn madwar il-mejda u nimirħu fl-ispazji ta’ dinja moderna li hija diżinteressata mill-Każini u l-politika partiġġjana imma hija dejjem aktar miftuħa għall-politika li tagħmel id-differenza lil pajjiżna. 

Għalhekk nieħu gost meta nara dan l-entużjażmu fost ħafna membri tal-Partit Nazzjonalista li lesti jagħtu sehemhom fil-Kumitati Sezzjonali, entużjażmu li jalla ma jisfumax fix-xejn wara l-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej. Ikun inutli jekk il-Kumitati jinbidlu f’kongregazzjonijiet ta’ xi Deputat jew Kandidat, u jkun inutli wkoll jekk ma jerfgħux ir-responsabbiltà li jqarrbu lin-nies aktar lejn il-Partit.

Din tkun verament paġna ġdida għall-Partit Nazzjonalista.