Parodija Demokratika

Il-frażi famuża, ġeneralment attribwita lil Winston Churchill, “democracy is the worst form of Government, except for all others” tfakkarni kontinwament li d-demokrazija mhijiex perfetta, u possibbilment mhijiex perfetta għax hekk jaqbel li tkun. L-orġini tal-kelma ‘demokrazija’, jiġifieri mill-kelmiet ‘demos’ u ‘kratos’ li tfisser il-poter tan-nies mhux verament hija rispettata daqskemm nemmnu li hi. La darba għandna sitwazzjonijiet fejn il-kamra tar-rappreżentanti (jisimha magħha għal ġieħna!) mhix aktar tirrispetta l-ġudizzju elettorali tal-poplu Malti fl-aktar eżerċizzju demokratiku – dak li huwa elezzjoni ġenerali – allura qed nonqsu quddiem l-obbligu li għandna lejn iż-żewġ termini: id-demokrazija u r-rappreżentazzjoni.

L-għażla tal-Partit Laburista li jagħżel lil Oliver Scicluna biex ikun co-opted fil-Parlament minflok Edward Scicluna – ċjoè Gavin Gulia, għax kont insejt li niżżel ismu wkoll f’din il-Leġiżlatura! – tikkonferma li l-għażla tal-poplu ma kinitx rispettata. Mingħajr ma nidħol fil-merti personali ta’ Oliver Scicluna (li ma għandix dubju huwa bniedem validu għalkollox għaliex ħdimt miegħu mill-viċin matul dawn l-aħħar xhur kemm ilni Minority Leader f’Birkirkara u hu kien Chairman tal-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità) għaliex dak huwa argument ieħor, wieħed irid jifhem li din l-għażla, għalkemm skont l-Att tal-Elezzjonijiet Ġenerali, tmur kontra l-ispirtu demokratiku. F’perjodu ta’ ftit ġimgħat, Robert Abela għażel tliet deputati li jidhirlu għandhom ikunu Membri Parlamentari, Miriam Dalli, Clyde Caruana u Oliver Scicluna. Għalkemm kollha għandhom ħiliet li jridu jkunu rikonoxxuti, ħadd minnhom ma kkontesta l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Minkejja kollox, Robert Abela, kif jgħidu l-Ingliżi, “is playing by the rules of the game”.

Inħoss li wasal iż-żmien li jibdew jiġu diskussi l-bidliet meħtieġa fl-Att li jirregola l-Elezzjonijiet (Kapitlu 345, it-13-il Skeda). Għandu jkun hemm mekkaniżmu speċifiku li permezz tiegħu, kwalunkwe Deputat Parlamentari jkun jista’ jċedi s-siġġu Parlamentari tiegħu għal Kap jew Mexxej elett ta’ Partit fil-Parlament. B’hekk, tkun issalvagwardjata l-għażla demokratika tat-tesserati jew membri tal-Partiti meta jeleġu l-Kap jew il-Mexxej tagħhom u li jidhrilhom għandu jkollu l-kariga ta’ Prim Ministru jew Kap tal-Oppożizzjoni.

Madankollu, għandu jkun hemm mekkaniżmu li jillimita jew jelimina għalkollox il-possibbiltà li min ma jkunx ikkontesta Elezzjoni Ġenerali, isir Membru Parlamentari mingħajr l-appoġġ tal-elettorat. Għalhekk, fi kliem aktar sempliċi, inħoss li la darba ssir by-election li teleġġi Deputat Parlamentari, fl-eventwalità ta’ riżenja ta’ dan l-istess Deputat, awtomatikament għandu jkun elett id-Deputat li jkun ikklassifika fit-tieni post fl-istess elezzjoni każwali. Dan għandu jibqa’ jsir kull darba. Jekk kemm-il darba jkun hemm sitwazzjoni li l-kandidati kollha fuq il-polza taħt l-istess Partit jiġu eżawriti għal raġuni jew oħra, għandu jkun co-opted l-aktar kandidat minn fost l-istess Partit Politiku li jkun kiseb l-akbar ammont ta’ preferenzi ewlenin fl-Elezzjoni Ġenerali, minn fost il-kumplament tad-Distretti Elettorali. Għalhekk, Membru Parlamentari jista’ jkun biss co-opted jew fil-każ ta’ Kap-elett jew Mexxej-elett jew inkella jekk ma jkun hemm ebda kandidat li jista’ jieħu postu minn by-election għax ma jkunx hemm aktar kandidati eleġibbli. B’tali mekkaniżmu, ħlief fil-każ ta’ Kap-elett jew Mexxej-elett, kull Membru Parlamentari li jidħol fil-Parlament irid ikun ikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali li fetħet il-Leġiżlatura.

Din tiegħi hija biss opinjoni, possibbiltà, li tista’ tnissel diskussjoni. Nifhem li jista’ jkun hemm diversi possibiltajiet oħrajn, u nifhem li hemm ħafna li jistgħu jkunu kkunsidrati. Il-metodu li bih ikunu eletti Membri Parlamentari li ma jkollhomx l-appoġġ tal-elettorat huwa insult lejn id-demokrazija. Jekk verament nemmnu li l-Parlament huwa tan-nies, allura rridu rrodduh lura lin-nies. Inkella ma nkunu qed nagħmlu xejn ħlief nirrenduh għar-redikolu. Din l-attitudni tal-Prim Ministru Abela hija biss ammissjoni li ma jemminx fil-Kandidati li kkontestaw l-Elezzjonijiet Ġenerali li għaddew.

Din hija parodija demokratika.

Aqra aktar hawnhekk: https://lovinmalta.com/news/news-politics/no-one-should-become-an-mp-unless-they-contest-an-election-pn-candidate-proposes/