Il-Mentalità tal-politika ta’ Ġaħan

Is-sajf. Is-sħana (kbira). Il-pandemija. Il-vaganzi, jew suppost. Minkejja l-mument, il-bozza tal-attenzjoni hija kompletament fuq ix-xena politika, daqslikieku x-xena politika kienet xi Las Vegas li ma torqod qatt. Niftakar li kien hemm żminijiet fejn il-politika wkoll kienet taqbad ix-xugaman u tqatta’ ftit nofstanhari tixxemmex u tintelaq mal-mewġ frisk f’jiem daqstant sħan, imma llum mhuwiex il-każ. Il-politika f’dal-pajjiż, donnha weħlet fuq il-buttuna “start” u baqgħet qatt ma ntfiet mill-2013 lil hawn.

Is-sintomu tal-politika li hija kontinwament fil-qalba tad-diskussjoni fuq il-media soċjali u fl-aħbarijiet b’mod ġenerali, huwa aktarx ħtija ta’ politika Laburista li tatna kontinwament u b’ċertezza, ħafna (jew iżżejjed) fuq xiex nitkellmu saħansitra mill-ewwel jum sal-aħħar tas-sena. Ma għadux iż-żmien li l-politika tmajna, tbatti jew tistrieħ, imma għall-kuntrarju, qiegħed nara xenarju politiku li qiegħed jiħrax, u żżejjed.

Forsi hawn min jargumenta li l-mument partikolari li qed ngħixu fih illum ma jirrikjedi ebda waqfa jew mistrieħ, imma jeħtieġ l-attenzjoni possibbli kollha minn filgħodu sa filgħaxija, madankollu, ġeneralment dawk li qed jirraġunaw hekk huma midħla fil-politika jew inkella jorqdu u jqumu joħolmu bil-politika. Hawn ħafna nies li huma distakkati mill-politika u mhumiex qed isegwu bl-istess intensità li nsegwu aħna l-protagonisti u l-antagonisti tal-politika stess.

Is-sitwazzjoni tal-lum, fejn l-iskandli donnhom huma destinati għall-kull jum, u li fil-maġġor parti tagħhom huma kollha b’xi mod direttament jew indirettament marbutin mal-Gvern u t-tmexxija tiegħu jew dik preċedenti, qiegħda, għall-kuntrarju ta’ kemm naħsbu, iddejjaq lil ħafna nies u fl-istess waqt tnaffar lil dawk li mhux neċessarjament iqumu jaħsbu dwar il-Partit, il-Gvern jew l-Oppożizzjoni. Għaliex jiena wkoll maħkum mill-politika stil Las Vegas, għadni sal-lum, fil-bidu ta’ Awwissu għaddej biż-żjajjar fid-djar għand il-familji fil-kostitwenza tiegħi, madankollu nsib ħafna familji li jesprimu miegħi x-xewqa li l-politika tnaqqas fl-intensità tagħha almenu f’perjodu ta’ mistrieħ. Ma aħniex nifhmu fattur importanti, li fis-sondaġġi li qed nixtarru minn Ħadd għal ieħor, hemm ammont sostanzjali ta’ nies li speċifikament qed jikkonfermaw li l-politika mhix l-aktar ħaġa importanti taħt id-dawl tax-xemx, u ma jinteressahom mill-ebda partit jew skandlu jew proposta. Fi ftit kliem, wisq nibża’ li dan ix-xenarju li fih qed nifgaw lil xulxin bil-politika partiġġjana u estrema, qed tnaffar lil ħafna biex jagħmlu pass lura u jiddisassoċjaw ruħhom kompletament biex igawdu l-baħar u x-xemx u l-ħobż biż-żejt (l-aktar f’mument fejn is-safar ukoll qiegħed jippreżenta diversi sfidi).   

Il-Parlament bħalissa huwa magħluq, imma l-attività politika hija, kif jgħidu bl-Ingliż “in full swing” u wieħed jistenna dan la darba kien proprju f’dawn il-jiem li ġiet ippubblikata l-inkjesta marbuta mal-Assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Għaldaqstant, ma nistgħu qatt nippretendu li l-Oppożizzjoni ma titkellimx dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta, jew li l-Gvern ma jirreaġġixxix. Lanqas ma nistgħu nippretendu li għal diversi aħbarijiet xokkanti nirribatti bis-silenzju għax is-sajf.

Għalhekk qiegħed nifhem kif il-politika firxet idejha fuqna u qed iġibna skjavi tagħha għaliex mhux vera għandna pajjiż li fih l-istituzzjonijiet jaħdmu b’mod awtonomu u indipendenti mill-influwenzi tal-Eżekuttiv. L-Oppożizzjoni ma tistax tafda l-fatt li l-istituzzjonijiet se jaġixxu b’mod ħieles, fil-waqt li l-Gvern donnu xi “big brother” li jrid isegwi u jagħti direzzjoni lill-istess istituzzjonijiet għaliex ilkoll jagħmlu parti mill-“qarnita” li qed toħnoq u tifga l-pajjiż.

L-għan ta’ dan il-pajjiż Indipendenti għandu jkun li xi darba, verament inkunu indipendenti billi jkollna l-istituzzjonijiet li jiffunzjonaw mingħajr il-politiċi, billi jkollna għażliet verament meritokratiċi u mingħajr ebda indħil politiku, billi jkollna stazzjon televiżiv nazzjonali li mhux l-id il-leminija tal-Gvern... fi ftit kliem, li nkunu pajjiż normali li jitmexxa mill-kompetenza tal-poplu u mhux mill-ideoloġiji politiċi li xi kultant, ħeqq,  jaraw lin-nies Ġaħan.

Din li l-politika rikbitna u qed tifga l-potenzjal tagħna bħala poplu, hija biss l-estensjoni tal-mentalità tal-politika ta’ Ġaħan jiżfen mal-kurrenti ta’ Las Vegas  la Maltija.