Il-Politika ta' Iġri u Ġerri
-
in Politika
Matul dawn l-aħħar jiem Malta reġgħet tilfet dak kollu li ħadmet għalih matul dawn l-aħħar xhur għaliex il-Gvern iqis il-flus u l-ekonomija qabel is-saħħa tal-Maltin! Qed nirreferi għall-ammont ta’ każijiet ġodda li qed ikollna kuljum, żidiet allarmanti tassew u li jikkonfermaw li minkejja kollox, il-COVID-19 għadu magħna, u bil-kif! Kont nemmen, jew aħjar nixtieq, li ma nerġax naqbad dan is-suġġett fil-kitbiet tiegħi, imma ma nistax nibqa’ sieket għal dan kollu li qed nara u li b’konsegwenza ta’ nuqqas ta’ pjan u viżjoni, kif ngħidu bil-Malti, erġajna koppi.
Għadha kemm għaddiet sena skolastika u akkademika li fiha l-istudenti Maltin ma ngħataw ebda €300ijiet, imma minflok tħallew fi klassijiet sħan qishom fran b’fannijiet jiftakru l-Assedju l-Kbir u ppakkjati qishom sardin b’maskra ma’ wiċċhom u bla ebda attivitajiet li jikkumplimentaw il-kurrikuli. Din kienet sena skolastika li ħalliet impatt qawwi fuq ħafna mijiet ta’ studenti fosthom dawk b’diffikultajiet fit-tagħlim u oħrajn intellettwali li sfortunatament batew minħabba r-restrizzjonijiet fl-iskejjel anke minħabba li s-servizzi ta’ terapija kienu sospiżi. Kellna studenti oħra, tal-Higher Secondary li tħallew mal-art isegwu l-lezzjonijiet minħabba t-tbażwir f’sistema suppost hybrid li falliet għalkollox. Ix-xenarji li rajna fil-kurituri, ta’ żgħażagħ bilqiegħda fl-art, jibqgħu mmarkati f’moħħi u jkomplu jikkonfermaw li s-sistema edukattiva tagħna għadha mitt sena lura, dan ovvjament wara li kellna sena sħiħa li fiha stajna nippreparaw għal sena differenti. L-istudenti tal-Università tħallew jillappazzaw b’lezzjonijiet online mid-dar u għalkemm hawnhekk kien hawn livell aħjar (jew anqas medjokri) xorta waħda ma lħaqniex l-aspettattivi kollha. Fuq kollox, lill-istudenti b’mod ġenerali, qtilnielhom il-ħajja soċjali tagħhom għax anke l-isport waqqafnielhom biex żgur inkunu protetti minn xulxin... u hekk kellu jsir għax hekk kien hemm bżonn. Għalhekk, ilkoll nifhmu li din kienet sena partikolari u li minħabba f’hekk, ilkoll kellna nagħmlu ħafna sagrifiċċji biex “negħlbu” l-pandemija.
Huwa inaċċettabbli imma, li wara tant diffikultajiet marbutin biss mal-qasam edukattiv, il-bravu Ministru Clayton Bartolo bil-barka tad-Deputat Prim Ministru jiddeċiedi li jdaħħal ħemel ta’ żgħażagħ bla vaċċin biex jistudjaw waqt li jiddevertu f’ġemgħat u minn fuq jagħżel li jħallashom biex mill-ġdid iġibu pajjiżna għarkopptejh mill-ġdid! Ma rridx nikkritika dan is-settur, anzi, però matul iż-żmien qed jidher b’mod evidenti li l-iskejjel tal-Ingliż f’Malta, għall-Gvern, mhumiex operat edukattiv imma makkinarju biex tiddawwar l-ekonomija. Fil-fatt, qajla naraw artikli jitkellmu dwar is-suċċess edukattiv ta’ dawn l-iskejjel, imma kontinwament naraw artikli jiftaħru biċ-ċifri ekonomiċi. Jidher li l-interess kien li l-ekonomija lokali taqbad tissaħħaħ, imma l-esperiment falla għaliex donnu li min jieħu d-deċiżjonijiet nesa li l-istudenti tal-Ingliż f’Malta ma jqattgħux ħinhom biss fil-klassijiet skont il-protokolli tal-iskejjel! Fl-istess waqt, nuri solidarjetà ma’ dawk kollha li jaqilgħu l-għajxien tagħhom minn dan is-settur, speċjalment dawk li joperaw l-iskejjel tal-Ingliż u l-għalliema tagħhom, għaliex minħabba n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern, se jħallsu għall-konsegwenzi huma. Kemm kien ikun aktar għaqli li kieku ntalbu joperaw bi 30-50% tal-ammonti li kapaċi jieħdu sabiex jibdew jirrankaw bil-mod wara sajf iebes sena ilu. Hekk, għallejna l-aspettattiva, u issa fallejna kompletament.
Nittama biss li xi darba, il-Gvern Malti jitgħallem minn dan kollu u nibdew ninvestu flus il-poplu fejn verament hemm bżonnhom. Nistaqsi, la darba dawk il-flus allokati għall-istudenti issa mhux se jintużaw, il-Gvern se jkun qiegħed jinvestihom fl-istudenti Maltin?