Il-Poter tal-Flus
-
in Politika
Il-kriżi politika attwali hija biss ir-riżultat tar-relazzjoni (illum kważi intrinsika) li teżisti bejn il-Partiti Politiċi u n-negozjanti. Din l-affinità qed iddgħajjef lill-Partiti imma ssaħħaħ lin-negozjanti. Fin-nofs, il-poplu inġenerali. L-inkjesta pubblika tal-imħallfin dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, tispeċifika b’mod ċar ħafna li din il-problema fl-għeruq tal-politika Maltija hija sintomu li qiegħed ixekkel id-demokrazija, il-ġustizzja, it-trasparenza u l-meritokrazija. Il-politika lokali għalhekk qiegħda dejjem aktar issir ikkontrollata min-negozjanti li jippompjaw il-flejjes fil-Partiti li ma jistgħux joperaw mingħajr tali flejjes.
Ir-rapport tal-inkjesta jgħid hekk: “U stabbilit li fi żmien rilevanti l-kitba tal-ġurnalista assassinata kienet kollha kemm hi kritika ta’ dawn l-azzjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika u r-rabtiet li kien hemm ma’ ċerti negozjanti fi twettieq ta’ proġetti. Rabtiet li ħolqu żewg ċentri ta’ poter – il-poter politiku u dak ekonomiku. Kien inevitabbli li meta l-ġurnalista bdiet tattakka frontalment u b’mod kredibbli dawn iż-żewġ poteri inħolqot reazzjoni ta’ konfrontazzjoni diretta ma’ dawk fil-poter li kienu involuti. Beda mill-bidu jinħass il-bżonn li l-ġurnalista tiġi b’kull mezz kontrastata kemm biex jiġi newtralizzat l-aspett negattiv li l-kitba tagħha kien qed ikollha fuq il-politika dikjarata tal-Gvern kif ukoll biex ma jiġux ippreġudikati l-pjanijiet li issa jirriżulta li kien hemm, li xi nies jistagħnew bis-saħħa bil-konnessjonijiet li kellhom mal-amministrazzjoni pubblika” (paġna 388, 10). Din l-asserzjoni ttella’ fil-wiċċ is-sitwazzjoni perikoluża – u li għaliha ħallset b’ħajjitha Daphne Caruana Galizia – li pajjiżna jinsab fiha: maħkum mill-qawwiet tan-negozji u mhux dawk politiċi jew demokratiċi.
Min verament jemmen fid-demokrazija, għandu jemmen daqstant ieħor f’politika onesta, ġusta u trasparenti. B’mod ġenerali, mhux f’Malta biss, in-nies ma tafdax lill-politiċi, u dan anke kien evidenti fl-Edelman Trust Barometer tal-2020. Fil-fatt, dan ir-rapport jindika li l-gvernijiet, in-negozji, l-għaqdiet non-governattivi u l-medja – bl-aktar mod ġenerali – mhumiex afdati. Primarjament, l-indikazzjoni ġenerika hija li ma hemmx bilanċ bejn il-kompetenza u l-imġiba etika. Hawnhekk, b’mod naturali norbtu dan ir-riżultat mal-istat politiku Malti fejn l-erba’ entitajiet mhumiex fdati biżżejjed anke fid-dawl tar-rivelazzjonijiet ta’ dan l-aħħar u r-rapport tal-Inkjesta. Fid-dawl ta’ dan kollu, aktarx wasal iż-żmien li verament ikun ikkunsidrat serjament il-finanzjament tal-partiti anke jekk għal ħafna din l-idea għandna tkun skartata.
F’diversi pajjiżi demokratiċi l-Partiti Politiċi huma ffinanzjati mill-Istat. Fl-istess waqt, nifhmu li l-Partiti Politiċi jeżistu biss b’fondi propizji primarjament biex iwasslu l-messaġġ politiku tagħhom u bl-operat ta’ numru sostanzjali ta’ impjegati. Id-diskrepanzi li jixirfu bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista jikxfu possibbiltà ta’ partit li huwa eqreb in-negozjant minn ieħor, tant li llum nafu fattwalment, li r-relazzjoni bejn Kastilja ta’ Muscat u n-negozjanti Maltin (u anke barranin) kienet intrinsika daqskemm hija r-relazzjoni bejn il-Partit Laburista u l-Laburisti. Il-Partit Laburista fil-Gvern, qiegħed b’mod evidenti jutilizza l-poter tiegħu biex itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu a skapitu tal-Partit Nazzjonalista li huwa limitat fl-Oppożizzjoni. Dan ix-xenarju qiegħed realistikament ikun rifless fil-prestazzjonijiet elettorali għaliex hemm korrellazzjoni bejn il-kampanji elettorali u r-riżultati attwali, u għandna biżżejjed raġunijiet biex nemmnu li kampanja elettorali ffinanzjata sewwa tagħti r-riżultati.
F’pajjiż bħal Malta fejn teżisti qrubija u affinità bejn il-politika u n-negozju u l-media fost oħrajn, il-finanzjament statali għall-Partiti għandu jbiddel ir-rotta demokratika għalkollox. Mill-banda l-oħra, huwa importanti ħafna li naffermaw kemm il-Partiti Politiċi jeħtieġu finanzjament biex joperaw u jkunu fuq il-mappa politika. Kull liġi li tiddaħħal bl-intenzjoni li jitnaqqas l-abbuż tad-donazzjonijiet, ma għandha qatt fl-istess waqt, toħloq ostakli li jxekklu l-proċess politiku tal-partiti stess. Madanakollu, jekk nibqgħu ma nieħdu ebda azzjoni, l-aħbarijiet tal-lum se jibqgħu jkunu ripetuti minn żmien għal żmien bla ebda tama li nkunu tgħallimna mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.