Deċiżjonijiet

Il-politika hija d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-politiċi, u ħafna drabi, mument ta’ indeċiżjoni jaf jikxef sens ta’ dgħufija. Madankollu, ma rridux infixklu strateġija ta’ stennija ma’ strateġija ta’ għaġla, għaliex il-probabbiltà hija li l-għaġla twassal għal deċiżjonijiet irrazzjonali.

Ir-riċerkatur Michael Bar-Eli, biex jifhem aħjar il-ħsieb wara l-azzjoni, evalwa xjentifikament mijiet ta’ penalties tal-futbol. Mela, f’sitwazzjoni ta’ penalty, il-ballun jieħu inqas minn 0.3 ta’ sekonda biex jivvjaġġa mill-plejer li jixxuttja sal-lasta, għalhekk ma hemmx biżżejjed ħin għall-gowlkiper sabiex josserva t-traġitt tal-ballun, u huwa mistenni jieħu deċiżjoni ’l fejn jintefa’ qabel il-ballun ikun ixxuttjat. Interessanti ħafna, li terz tal-plejers jixxuttjaw il-penalties lejn in-nofs, terz lejn ix-xellug u terz lejn il-lemin. Ovvjament, wieħed jassumi, li l-gowlkipers matul iż-żmien, dan fehmuh u studjawh. Għalhekk, ikun mistenni li tal-anqas, f’terz tal-penalties jibqgħu fin-nofs u ma jaqbżux lejn ix-xellug jew lejn il-lemin. Imma, ilkoll nafu li dan mhux minnu, għaliex fil-maġġoranza assoluta tal-penalties, naraw il-gowlkiper jinxteħet naħa jew oħra minkejja li l-possibbiltà li jilqgħu l-ballun jekk jibqgħu fin-nofs hija l-istess daqslikieku jmorru lejn il-lemin jew lejn ix-xellug. Allura, għaliex qatt ma jibqgħu fin-nofs anke jekk jafu li terz tal-blalen se jgħaddu min-nofs imma jagħżlu naħa jew oħra? It-tweġiba hija sempliċi ħafna: għall-apparenza, għaliex huwa aktar impressjonanti li l-gowlkiper jipprova jilqa’ l-ballun billi jinxteħet minn tulu naħa jew oħra milli jipprova jilqa’ l-ballun billi jibqa’ fin-nofs tal-lasta anke jekk imbilli jmur naħa jew oħra ma jilqa’ ebda ballun!

Ejja nieħdu eżempju, nimmaġinaw gowlkiper li f’kuntest ta’ penatly shoot-out ma laqax wieħed minn ħamsa, imma nxteħet tliet darbiet fuq il-lemin u darbtejn fuq ix-xellug, u kien u mmarka n-naħa li skurjawlu darbtejn. Il-partitarji mhux se jiġġudikawh li ma għamel xejn biex isalva l-blalen, għaliex prova u kien viċin ħafna almenu darbtejn. Issa, ejja nimmaġinaw li l-istess gowlkiper baqa’ fin-nofs għall-ħames penalties u ma salva ebda wieħed bl-istess mod. Hawnhekk, il-partitarji jiġġudikaw lill-gowlkiper li ma għamel ebda tentattiv biex isalva l-penalties, meta fir-realtà għamel l-istess effort daqs il-gowlkiper l-ieħor li tmattar fuq naħa u oħra, u xorta għalxejn.

Din hija dik li nirreferu għaliha bħala l-action bias: nidhru aħjar jekk nidhru li qed nagħmlu xi ħaġa anke jekk dik il-ħaġa qed issir għalxejn milli nidhru li mhu qed nagħmlu xejn u bl-istess mod, ma niksbu xejn ukoll.

Dan narawh spiss fil-politika, jittieħdu deċiżjonijiet biex jittieħdu ħalli ma ħadd ma jikkritika lil min jeħodhom, mingħajr ma nikkunsidraw l-għażla li ma niħdux deċiżjoni quddiem mumenti ta’ indeċiżjoni. Madankollu, hemm deċiżjonijiet li jridu jittieħdu anke jekk ma jkunux qed jidhru li qed jittieħdu, l-istess bħal meta l-gowlkiper jagħżel li jibqa’ fin-nofs tal-lasta, u għalkemm quddiem il-maġġoranza jidher inattiv, ikun attiv daqstant ieħor.

Dan kollu, ngħidu b’referenza għall-aħħar sondaġġ pubbliku u li quddiemu l-Partit Nazzjonalista, aktar minn qatt qabel, bil-possibbiltà ta’ ftit xhur biss qabel elezzjoni ġenerali (li qed tindika t-tielet rebħa elettorali għall-Partit Laburista) ma jistax ma jiħux deċiżjonijiet importanti jew jieħu dawk id-deċiżjonijiet li huma biss għall-apparenza għaliex kull sondaġġ iwassal messaġġ, kull sondaġġ irid jagħtina fuq xiex naħdmu u għal xiex naħdmu.