Prosit Ministru!
-
in Politika
Il-manifestazzjoni tal-mantra tal-“Prosit Ministru!” li tiddakkar minn post għal ieħor fuq il-midja soċjali hija l-essenza tal-marda politika li għandu dan il-pajjiż li jfittex kull okkażjoni biex ifaħħar mingħajr ma jifhem jew jaqra jew janalizza t-tlablib skjerat fuq il-Facebook u l-gideb fil-propoganda tal-Ministri. Ngħid li hija l-essenza tal-marda politika għaliex dan il-pajjiż huwa fqir biżżejjed biex jagħraf li dejjem, skont il-loġika xjentifika, għal kull azzjoni hemm reazzjoni, u fl-istess waqt fqir biżżejjed biex jifhem ir-raġunijiet wara kull reazzjoni għal kull azzjoni.
Sar għandna poplu mogħmi bl-irrelevanza tal-ħmerijiet politiċi u li għalih il-prijorità mhijiex l-importanza nazzjonali imma l-interess personali u partiġġjan. Għalhekk, quddiem il-veritajiet li qed jheddu lil dan il-pajjiż minn aspetti diversi, fosthom il-possibbiltà li pajjiżna jsib ruħu fuq il-lista l-griża, l-uniku interess tal-maġġoranza huwa li jiddefendu lill-Ministru bil-mantra idjotika ta’ “Prosit Ministru!” mingħajr ma jagħrfu li l-istess Ministru, illum qiegħed jgħum fil-mewġ tal-pressjoni kkawżat mill-inkwiet tal-lista l-griża u r-riperkussjonijiet serjissimi li din għandha fuq il-pajjiż, għaliex l-istess nies, lil dawk il-Ministri korrotti bħal Konrad Mizzi u Edward Scicluna bil-barka tal-aktar Prim Ministru Korrott li qatt rat Malta Joseph Muscat, hekk ukoll qalulhom: “Prosit Ministru!”, anke wara li wieħed minnhom spiċċa tkeċċa u umiljat u mormi ’l barra mill-Partit tagħhom stess.
Mela le, faqqagħlu l-“Prosit Ministru!” talli ħammiġt ir-reputzzjoni ta’ Malta u ħallejtna lampa stampa nittallbu quddiem il-FATF (Financial Action Task Force) biex ma nkunux ikkunsidrati mal-pajjiżi li nisimgħu biss dwarhom minħabba aħbarijiet negattivi bħall-Pakistan, il-Botswana, il-Panama, il-Marokk, il-Burkina Faso... u l-bella kumpanija kollha meta għażiltu li tmorru taħbu fluskom misruqa lill-familji Maltin fil-Panama wara xhur ta’ pjanar biex ma tinqabdux – mingħalikom!
“Prosit Ministru!” għal 17-Black, u l-konsegwenzi kollha li din ġabet magħha biex pajjiżna llum huwa fuq il-mappa Ewropea – jekk mhux ukoll Dinjija – bħala pajjiż intollerabbli għall-midja indipendenti u ġurnalistika... l-għanqbuta sħiħa tas-17-Black flimkien mal-Wind Farms tal-Montenegro u t-taħwid tal-Electrogas u minħabba fiha pajjiżna minħabba s-serq tagħkom qiegħed iħallas l-ogħla prezz possibbli għax xi ħadd hekk qabillu!
“Prosit Ministru!” għall-iskema eċċezzjonali tal-Bejgħ tal-Passaporti li ħlomtu biha eżatt wara r-rebħa elettorali tal-2013 – għax ma ġietkomx id-diċenza ssemmuha fil-manifest elettorali, ja beżżiegħa ħallelin! – u li permezz tagħha attirajtu lil ħafna miljunarji li jaqilgħu flushom minjaf minn fejn u minjaf minn fuq min biex f’dan pajjiżna wellditu kultura li fiha anke ċ-ċittadinanza tista’ tinxtara għax daqshekk tistmaw dak li ssiltu għalih missirijietna biex kisbu l-Indipendenza tagħna. Għalikom il-flus saru alla, u n-nies tallaba.
“Prosit Ministru!” talli pproteġejtu u għadkom qed tipproteġu lill-eks Chairman tal-MFSA li kellu biss l-interess li jonfoħ butu minn fuqna lkoll u waqt li l-familji għaddejjin jitħabtu mal-għoli tal-ħajja u l-inġustizzji u l-korruzzjoni u l-griefex tagħkom hu kien qiegħed **** ma’ seħbitu Las Vegas taparsi jġib l-investiment.
“Prosit Ministru!” għax issa qed tgħid il-verità, il-problema mhix il-Gvern Malti imma l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għax kiteb lill-FATF biex jiddefendi l-interess tal-Maltin, dak li kien fid-dmir u fid-dover li jagħmel il-Ministru tagħkom imma ġie jaqa’ u jqum minni u minnek u minn uliedna.
Vera, ħaqqu t-tifħir min mhux jintebaħ li l-qaħba milli jkollha ttik!
“Prosit Ministru!”