Jien Ottimist

Mhux l-ewwel darba li nsib min jargumenta li l-Partit Nazzjonalista huwa negattiv. Donnu li hawn ħafna nies li ma jagħmlux distinzjoni bejn il-kritika ta’ Oppożizzjoni u n-negattività. Li l-Oppożizzjoni tikkritika l-Gvern, li tilmenta kontra n-nuqqas ta’ Governanza tajba, li ssemma’ leħinha meta l-Gvern jonqos, li tkun voċifera kontra l-korruzzjoni... mhijiex negattività, anzi. Madankollu, il-Partit Laburista kontinwament itambar fuq din l-idea li l-Partit Nazzjonalista huwa negattiv, u n-nies qed taqbad temmen.

Minkejja din l-affermazzjoni tiegħi, in-nies għandha dritt għall-opinjoni tagħha, u l-politiku jrid jassigura li jismagħha u jagħmilha tiegħu. Għalhekk, la darba qiegħed kulma jmur nifhem kif ħafna nies qed jistennew aktar pożittività u ottimiżmu, inkun qiegħed nonqos jekk nemmen li ma għandhomx raġun. Hu x’inhu, in-nies mhix qed tisma’ biżżejjed lill-Partit Nazzjonalista, u dan mhux attribwit lit-tmexxija. In-nies trid tkun ispirata, trid tisma’ dak li jappella għaliha.

Ejja nieħdu dan l-argument b’eżempju: Jekk jiena qiegħed infittex li nixtri karozza ġdida, kull reklam li jirriklama karozza ġdida jinteressani. Nieqaf u nisma’, ninteressa ruħi fid-dettall, immur infittex dwar dak il-mudell, dwar id-ditta, nitħajjar immur nara l-karozza u nagħmel ir-rendikonti finanzjarji tiegħi biex nara naffordjax jew le. Fi ftit kliem, ir-reklam laqatni għax fil-mument jien qed infittex karozza. Fl-istess waqt, la darba rrid nixtri karozza, kull reklam ieħor li jitlagħli, sew jekk hux ta’ proprjetà, ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ... ma jiġbidx l-attenzjoni tiegħi. Dan nistgħu narawh fil-politika, għaliex fil-politika l-Partiti jbiegħu l-prodott tagħhom. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jrid jassigura li jirriklama dawk il-“prodotti” tiegħu ħafna aktar minn kemm imaqdar il-“prodotti” tal-kompetitur tiegħu.

Bl-istess argument li ġibt hawn fuq, irridu nifhmu kemm huwa importanti li l-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq kollox, u jieħu pożizzjoni ċara u deċiżiva fuq kull materja – anke jekk ma tkunx l-aktar popolari – imma li tkun imsejsa fuq l-ideoloġija tal-Partit innifsu. Għalhekk, taqbel jew ma taqbilx, wieħed irid jammira l-kuraġġ tal-Partit li ħa pożizzjoni ċara dwar il-mozzjoni mressqa minn Marlene Farrugia dwar id-dikriminalizzazzjoni tal-abort. In-nies trid tara l-Partit Nazzjonalista deċiż u fuq kollox kunfidenti fid-deċiżjonijiet tiegħu, u dawn il-pożizzjonijiet iridu jkunu aktar spissi u aktar definiti.

Madankollu, in-nies qed tistenna wkoll pożizzjonijiet aktar ċari fuq aspetti oħra (għaliex mhux kulħadd qiegħed ifittex l-istess “prodotti”), bħal eżempju l-kwistjonijiet tant jaħarqu dwar il-qerda tal-ambjent u l-kostruzzjoni li donnha ma għandhiex rażan. Fost il-kwistjonijiet persistenti oħrajn u li l-Partit għandu jkun kategoriku dwarhom hemm l-immigrazzjoni u t-traffikar ta’ nies vulnerabbli, il-prekarjat (li donnu qed jerġa’ jgħolli rasu), il-pensjonijiet u l-anomaliji kollha relatati magħhom, it-trasport pubbliku u l-pjanijiet alternattivi, iż-żieda tal-karozzi fit-toroq tagħna, il-postijiet pubbliċi miftuħa għall-pubbliku, il-parkeġġi fil-lokalitajiet tagħna, il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-village cores, iż-żgħażagħ u l-futur tagħhom...

Jekk irridu nbiegħu l-politika tagħna, irridu nkunu konvinti minn dak li qed nagħtu, u rridu nikkonvinċu lill-“konsumaturi” tagħna. Jien nagħżel li nkun ottimist u nibqa’ nemmen li n-nies trid il-bidla, imma trid raġuni għall-bidla. Il-Partit Nazzjonalista għandu jaspira li n-nies tara fih viżjoni ta’ futur u tagħżlu għax trid tagħżlu u mhux għax ma tridx tagħżel lill-Partit Laburista.