Dipendenza
-
in Politika
Le mhuwiex faċli li tbiddel mentalità li matul iż-żmien tkun intisġet mal-kultura u saret tradizzjoni, imma mhuwiex impossibbli u qatt ma għandna nirrassenjaw ruħna u naqtgħu qalbna li xi darba, nistgħu ninbidlu. Il-ħajja tgħallimna bil-modi diversi tagħha, li iva, jekk hemm ir-rieda, hemm possibbiltà – dak li bl-Ingliż nirreferu għalih bil-frażi: “when there’s a will, there’s a way” – u kif ngħid jien. Naraw trasformazzjonijiet li qatt ma stennejna li jseħħu, bidliet li jgħaġġbuna, żviluppi meraviljużi u li lkoll jaħsduna għaliex ma nkunux nistennewhom. Madankollu, ma nistgħux nemmnu biss, irridu nagħmlu l-parti tagħna wkoll.
Hija sfortuna – biex ma nużax il-kelma ‘saħta’ – magħġuna fid-demm tagħna l-Maltin li bħala pajjiż irridu kollox lest u jekk jista’ jkun b’xejn mingħand il-Gvern, mingħajr ma nirrealizzaw li dak mogħti lili “b’xejn” qiegħed iħallas għalih ħija u oħti u ibni u binti u ħallsu għalih ommi u missieri... Jekk kellna nħallu ftit l-edukazzjoni u s-servizzi ta’ saħħa mogħtija lill-Maltin mingħajr ħlas – għaliex hawnhekk nemmen li li dawn ma għandhomx jintmessu – nibdew naraw kif f’diversi oqsma, illum aħna għalkollox dipendenti fuq dak li jagħtina l-Gvern u donna ninsabu komdi għax ivvizzjati nieħdu u nieħdu u naraw kif nagħmlu biex nagħtu mill-anqas.
Din ix-xorta ta’ dipendenza, illum narawha tgħolli rasha b’mod speċjali fil-qasam tal-Housing Soċjali fejn donnu sar bi dritt li min mhux jaqla’ biżżejjed flus biex jgħix ħajja komda sa barra, jippretendi akkomodazzjoni soċjali u għal dejjem. Kemm hi kerha din l-ossessjoni ta’ “ħaqqni” meta fis-sewwa, huma persentaġġi vera ftit li ħaqqhom akkomodazzjoni perpetwa. Kif f’dan il-pajjiż familja tingħata proprjetà mill-Gvern – imħallsa mit-taxxi ta’ min jirsisti u jaħdem – għal għexieren ta’ snin mingħajr kompromessi jibqa’ misteru. Għaliex, nistaqsi, familja tingħata akkomodazzjoni soċjali għal dejjem mingħajr ma tkun mistennija tqum fuq saqajha u taħseb għal rasha wara perjodu definit ta’ żmien bħal ngħidu aħna għaxar jew ħmistax-il sena? Kulmin huwa sid ta’ daru, speċjalment fl-era tal-lum, jien u marti u ħafna familji żgħażagħ oħra, u kulmin għandu lil uliedu li qed jixtru jew iwarrbu kull ewro biex jissellfu għall-proprjetà jista’ jifhem kemm hija diffiċli biex tħallas lura s-self. Minkejja kollox, ħafna, ġustament, jiddependu biss fuq l-għaraq ta’ ġbinhom biex isiru sidien ta’ djarhom. Mela allura, għaliex għad għandna ħafna familji jistennew għall-akkomodazzjoni soċjali meta ma għandhomx diffikultajiet ta’ mard? Għaliex dan il-pajjiż se jibqa’ jfissed lil min irid biss ikun dipendenti fuq l-għajnuniet soċjali u jsawwat lil min hu bieżel u qed jissallab għalih innifsu għal familtu u, ironikament, għal dawk kollha li qed jerdgħu minn fuq it-taxxi tiegħu biex huma jibqgħu jċekċu bil-paga minima mingħajr ma jipprovaw jinqalgħu mis-sitwazzjonijiet finanzjarji prekarji tagħhom?
Jien ninsab konvint li jekk kemm-il darba l-akkomodazzjoni soċjali ma tingħatax perpetwa, imma tingħata biss għal perjodu definit biex tkun verament għajnuna soċjali li tgħin lil min isibha bi tqila biex javvanza, nibdew bil-mod il-mod innaqqsu d-dipendenzi li f’ħafna każijiet huma redikoli. Naqbel li għandna ninċentivaw u ngħinu lil min għandu bżonn, imma din għandha tkun għajnuna u mhux dipendenza. Għaliex f’dan il-pajjiż li mingħalina għandna obbligu dejjiem li l-Gvern jgħinna u jgħinna minn dejjem għal dejjem?
Wisq nibża’, li ninsabu f’sitwazzjoni fejn il-politika soċjalista qed ir-ressquha dejjem aktar lejn waħda assurda. Jaf wasal iż-żmien li nibdew innaqqsu dawn id-dipendenzi perikolużi u li qed jixorbu ħafna enerġija u finanzi li jistgħu jintużaw biex verament neradikaw il-faqar u mhux insostnuh min ġenerazzjoni għal oħra.
F’dan il-kuntest, litteralment, b’diqa nħoss, li pajjiżna huwa kkundannat b’mentalità fqira ta’ dipendenza fuq l-assistenza perpetwa li qed tistagħna minn ġenerazzjoni għall-oħra bla sinjali ta’ fejqan fil-futur immedjat.