Iż-Żgħażagħ tagħna bla Futur
-
in Politika
Issa li l-inċertezza dwar elezzjoni bikrija għaddiet għal kollox wara li l-Prim Ministru ħabbar li l-elezzjoni ġenerali li jmiss se tasal fi żmienha, jiġifieri fl-2022, u issa li l-baġit ippreżentat b’tant glorifikazzjoni ġimagħtejn ilu jibda bil-qajla jitlef mill-effett tiegħu fuq il-media, u issa li l-Partit Nazzjonalista fisser u spjega l-miżuri ta’ baġit li wara kollox huwa nieqes minn viżjoni fit-tul, il-ħajja tkompli. Il-ħajja tkompli anke jekk Malta għadha fil-lista l-griża.
Għalkemm smajna ħafna miżuri soċjali u wegħdi fuq wegħdi, sal-lum għadni niltaqa’ ma’ familji li jinsabu mweġġgħin għaliex l-ispazji liberi u miftuħa huma fgati għalkollox minħabba l-bini sfrenat li qiegħed inaqqar minn ġewwa l-lokalitajiet tagħna u jnawrilhom il-karatteristiċi tipiċi tagħhom. In-nies fl-irħula u fl-ibliet qed jaraw it-trasformazzjoni li ma jridux jaraw, il-muntanji tal-konkrit li qed iserrpu ’l fuq sas-smewwiet jidfnuhom fi djarhom stess. Il-Gvern, donnu mhux qiegħed jifhem li f’pajjiżna rridu rrażżnu l-bini jew nillimitawh biex mhux biss nibżgħu għal dak li huwa estetika imma wkoll biex ikollna arja aktar nadifa. Din hija l-karba ġenerali ta’ ħafna u ħafna nies li niltaqa’ magħhom ta’ kuljum għaliex l-ambjent tagħna għandu jinteressana lkoll. F’dan id-dawl, għalhekk il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li biha jkun issalvagwardjat l-ODZ.
Il-Maltin ta’ għada jridu pajjiż aħjar, u din ma hemmx diskussjonijiet dwarha. Madankollu, is-sondaġġ xokkanti tal-EY jikkonferma żewġ punti li rridu narawhom taħt il-mikroskopju u nanalizzawhom bir-reqqa: 90% taż-żgħażagħ Maltin iħossu li l-ambjent Malti qiegħed fi stat degradanti waqt li 70% jridu jħallu Malta għalkollox biex isibu u jibnu l-futur tagħhom. Dan jikkonferma allura li l-Maltin ta’ għada mhumiex jaraw il-futur tagħhom f’Malta stess.
Interessanti tassew li f’dan is-sondaġġ, 28% biss taż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-24 sena waqt li 27% ta’ dawk ta’ bejn il-25 u d-39 sena qalu li jridu jibnu l-futur tagħhom f’pajjiżna. Dawn in-numri ma nistgħux ma narawhomx fid-dawl li f’Malta sal-2020, kellha 203,151 persuna b’livell baxx ta’ edukazzjoni. Dan jammonta għal kważi 50% tal-popolazzjoni Maltija ta’ ’l fuq minn 15-il sena li fl-2020 kienet ta’ 441,543. Meta qed ngħidu livell baxx ta’ edukazzjoni, qed nagħmlu referenza għal persuni li ma attendewx skola flimkien ma’ dawk li għandhom kisba ta’ 2 O’Levels jew anqas, jew ċertifikazzjoni ekwivalenti, skont l-International Standard Classification of Education (ISCED). Din l-istatistika tindika wkoll żewġ livelli oħra, dawk li għandhom livell medju ta’ edukazzjoni (persuna b’ċertifikazzjoni ta’ livell sekondarju u b’kisba ta’ minn tal-anqas 2 O’Levels jew b’livell postsekondarju u b’kisba ta’ Intermediate jew A’Level) u dawk li għandhom livell għoli (persuna b’livell terzjarju b’ċertifikazzjoni ta’ Diploma sa Dottorat), 129,363 persuna u 105,750 rispettivament. B’referenza għal-livell terzjarju, statistika tal-Eurostat tikkonferma li ż-żgħażagħ Maltin ta’ bejn il-25 u l-34 sena b’livell terzjarju għandhom lura mill-45% li jrid jintlaħaq sal-2030, u dan ukoll jikkuntrasta sewwa ma’ pajjiżi bħal-Lussemburgu u l-Irlanda li diġà għandhom qrib is-60% taż-żgħażagħ tal-istess etajiet li qed jilħqu dawn it-tragwardi hekk kif stabbiliti skont ir-Resolution on a strategic framework for European cooperation in education and training towards the European Education Area and beyond (2021-2030) approvata fi Frar tal-2021 mill-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċifri li qed nirreferi għalihom hawn fuq, ma jistgħux ikunu kompleti jekk ma nagħtix ħarsa ħafna lejn statistika tal-Eurostat li turi data għall-2020 b’referenza għal żgħażagħ ta’ bejn l-20 u l-24 sena li lestew il-livell sekondarju, u li f’Malta huwa ta’ 81.1% (77.8% subien u 85.0% bniet), u li għalkemm dan huwa qrib il-medja Ewropea, jidher inferjuri għalkollox meta komparat ma’ pajjiżi bħall-Kroazja (97.2% u l-Montenegro (96.1%) fost oħrajn.
Dan allura jikkonferma li l-futur taż-żgħażagħ tagħna mhux jingħata prijorità u qed nirriskjaw li nneżżgħu lil pajjiżna mill-ħiliet li neħtieġu għada għaliex nitilfu l-aħjar talent fiż-żgħażagħ tagħna li jmorru jibnu ħajja ’l bogħod minn Malta. Għalhekk, huwa għaqli li naraw Partit Nazzjonalista jaħdem biex jipproponi għadd ta’ inizjattivi immirati liż-żgħażagħ tagħna biex nibdew noffru futur aħjar.