F'Pajjiżi rrid nara Bidla b'Viżjoni

Din il-ġimgħa sirt naf persuna li għal 25 sena sħaħ, ħadmet fis-Segretarjat tal-Prim Ministru, taħt l-amministrazzjonijiet ta’ Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi, u qaltli din il-frażi: “inħossni ħlejt 25 sena minn ħajti!” Ma fhimthiex mill-ewwel: imma mbagħad spjegatli li fi żmien 8 snin, il-Gvernijiet ta’ Joseph Muscat u Robert Abela, ħlew il-futur li kien ħejja b’tant għaqal u dedikazzjoni l-Partit Nazzjonalista għal Malta tal-bieraħ, għax kellu viżjoni lbieraħ, u għandu viżjoni llum. Iva, għandha raġun, il-Gvernijiet ta’ Joseph Muscat u Robert Abela, qegħdin iħottu dak li aħna n-Nazzjonalisti tajna lil Malta.

Jiena dejjem nemmen li aħna l-bidla li rridu. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista huwa opportunità. Jien, mhux biss bħala Kandidat tal-Partit, jew Kunsillier Lokali, imma bħala Malti, bħala missier li għandi familja, irrid nara din il-viżjoni tagħna twelled Malta ġdida. Ejja ma nħallux aktar lil min ikompli jikkorrompi  l-ħsieb liberu, lil min iċaħħad l-imħuħ mill-jaħsbu, lil min inawwar l-idea li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun fil-Gvern, ejja flimkien nieqfu u nwieġbu f’isem Malta għax aħna n-Nazzjonalisti, li nemmnu fin-Nazzjon.

Għalhekk, f’pajjiżi, jiena rrid nara edukazzjoni li għandha tilħaq lil kulħadd bla ebda distinzjoni u tagħti l-attenzjoni mhux biss lil dawk li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim imma saħansitra lil dawk li jistgħu jimirħu u javvanzaw ’il quddiem; Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid isaħħaħ il-professjoni tal-għalliema billi se ngħollulhom is-salarji u ntjebulhom il-kundizzjonijiet, irridu negħlbu l-kriżi tal-klassijiet li sal-lum għadhom bla għalliema. Aħna mhux biss nemmnu fil-professjoni għax nemmnu fl-edukaturi, imma aħna nemmnu fit-tfal, nemmnu fl-edukazzjoni olistika. Illum, 50% tal-poplu Malti għandu livell ta’ edukazzjoni baxx. Illum, 16.7% taż-żgħażagħ Maltin (ta’ bejn it-18 u l-24 sena) li ma jkomplux jistudjaw jew jitħarrġu wara s-snin obbligatorji fl-iskejjel tagħna għax is-sistema edukattiva mhix tappella.

F’pajjiżi, jiena rrid nara ġustizzja soċjali li għandha tagħraf il-vera ħteġijiet ta’ dawk li huma vulnerabbli, li tieqaf kontra l-inġustizzji, li tieqaf kontra l-abbużi. Aħna rridu soċjetà ġusta, għalhekk aħna se naqtgħu l-kuntratti korrotti tal-Electogras, se nirrevedu immedjatament il-kuntratti ta’ Vitals u Steward għax flus il-poplu, huma tal-poplu, bihom nistgħu nagħtu 14-il miljun lill-frontliners tagħna, nestendu l-brackets tat-taxxi tal-25% minn €60,000 għal €80,000 u naraw li min jaqla’ sa €60,000 ikun vat exempt. Irridu naraw ġustizzja fix-xandir lokali, ġustizzja fil-Qrati tagħna, ġustizzja mal-mara li sal-lum, qed taqla’ 12% anqas mir-raġel.

F’pajjiżi, jiena rrid nara tfal u żgħażagħ li jingħataw kull opportunità biex jiffurmaw il-pajjiż li jridu jgħixu fih għada, skont il-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Tajniehom pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea, wellidna ħolma ta’ nazzjon għoxrin sena ilu, biex iż-żgħażagħ tagħna jkunu verament Ewropej. Survey riċenti, juri li ż-żgħażagħ jippreferu jibnu ħajjithom barra minn Malta, għaliex l-opportunitajiet tagħhom qed jonqsu minħabba l-korruzzjoni, il-lista l-griża. Aħna rriduhom jibqgħu hawn, irriduhom ikunu l-protagonisti, irridukhom imexxu pajjiżna, irriduhom jimirħu fil-professjonijiet li l-aktar huma meħtieġa, għalhekk qed nagħtuhom żieda ta’ 25% fl-istipendji għax nemmnu fihom, għax għalina huma l-futur. Qed nistednuhom imorru barra minn Malta, qed nagħtuhom vawċer ta’ €500 biex jifhmu u jaraw xi jridu minn Malta għax hija tagħhom.

F’pajjiżi, jiena rrid nara rispett lejn l-ambjent fejn l-ispazji pubbliċi biex jitgawdew mill-familji tagħna jkunu mogħtija kull importanza fuq l-overdevelopment li qiegħed joħnoq il-pulmuni tagħna. Aħna kommessi li b’rispett lejn Malta tal-futur, nissalvagwardjaw l-ODZ u għalhekk ebda proġett mingħajr żewġ terzi fil-parlament u li hu ta’ interess nazzjonali ma jista’ jingħata d-daqqa ta’ pinna minn Kastilja aktar. Fl-istess waqt imma, irridu nassiguraw li ż-żgħażagħ tagħna, bis-salarji tagħhom, ikunu jaffordjaw jixtru l-proprjetajiet. Fi statistika ppubblikata riċenti, il-prezz medju ta’ proprjetà llum huwa ta’ €300,000 għal appartament jew maisonette, u minn €400,000 sa €600,000 għad-djar jew penthouses. Għalhekk aħna se noħolqu fond ta’ garanzija biex jgħin liż-żgħażagħ tagħna jixtru l-ewwel dar u se noħolqu aktar spazji miftuħa viċin djarhom, se nagħtuhom l-opportunitajiet, se ngħinuhom jitilgħu l-ewwel tarġa.

F’pajjiżi, jiena rrid nara anzjanità attiva li tagħti d-dinjità lil dawk li bnew is-sisien ta’ dan il-pajjiż, li ħadmu għalina, li welldu Malta Indipendenti biex aħna llum nistgħu ngħidu li aħna verament Maltin. Aħna ma nistgħux ma nkunux kritiċi meta ta’ kuljum niltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet reali li fihom qed naraw l-anzjani tagħna għaddejjin mid-diffikultajiet tal-għoli tal-ħajja. Sena ilu, studju tal-Caritas, mhux tal-Partit Nazzjonalista, jagħmilha ċara li koppja anzjana trid kważi €18,000 fis-sena biex tgħix ħajja diċenti. Nirrikonoxxi iva li l-Gvern żied il-pensjonijiet, imma mal-pensjonijiet li żied qiegħed ukoll jiżdied l-għoli tal-ħajja, il-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jisraqkom kuljum bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, qiegħed jiddejjen il-biljuni biex uliedkom u n-neputijiet tagħkom għada jkunu fl-istess qagħda tagħkom! Aħna nemmnu fl-anzjani, u għalhekk se rroddulhom lura l-€50 miljun mis-serq tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u se nħallsu l-ispejjeż tat-tabib, aħna se nkomplu nżidu l-pensjonijiet u rrażżnu l-għoli tal-ħajja.

F’pajjiżi, jiena rrid nara aktar kreattività u rikonoxximent għall-arti. Wasal iż-żmien li nagħtu aktar importanza lill-ħsieb kritiku. Hija ta’ weġgħa li għadna lura fil-mentalità tagħna fejn l-edukazzjoni hija biss marbuta mal-akkademja. Irridu nibdew nemmnu aktar fil-ħsieb ħieles, il-ħsieb ħieles li l-Gvern irid joħnoq billi ħataf ix-xandir, billi għandu lil min jinstiga l-mibegħda fuq l-istazzjonijiet tiegħu kontra min bi dritt, u b’responsabbiltà qiegħed jitkellem favur is-sewwa, favur il-libertà, favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-kreattività u l-arti għall-Gvern mhumiex importanti għaliex l-artisti jikkritikaw, l-artisti jtellgħu fil-wiċċ il-veritajiet li l-Gvern iridna ninsew. Aħna rridu pajjiż kreattiv, u għalhekk lill-artisti li għalina huma professjonisti se ngħinuhom finanzjarjament, u se nipprovdulhom l-ispazji biex jaħdmu fihom. Aħna mhux il-Gvern Laburista – li qabbad lil wieħed minn tal-qalba biex isibilhom ftit garaxxijiet – u issa mar ifittixhom f’pajjiż ieħor għax qata’ qalbu wkoll.

U fuq kollox, f’pajjiżi, jiena rrid nara governanza trasparenti fejn il-politiċi jservu u mhux jisservew, fejn il-politiċi ma jisirqux €5,000 kuljum, fejn il-politiċi ma jisirqux l-isptarijiet tal-Maltin u jagħtuhom lill-barranin, fejn il-politiċi ma jmexxux lill-istituzzjonijiet u lil min imexxihom huma, fejn il-politiċi ma jarawx lill-elettorat b’Ġaħan li jibla’ kollox, fejn il-politiċi ma jġibux pajjiż dipendenti fuq il-karità, fejn il-politiċi ma jirranġawx lil tal-qalba biex jaħtfu u jiffangaw fid-direct orders, fejn il-politiċi ma jimmanuvrawx fil-Korp tal-pulizija, fejn il-politiċi ma jiħdux il-konsulenzi mid-deals li ġabu huma stess.

F’pajjiżi, jiena rrid nara pajjiż mibdul b’viżjoni.