Quddiem l-iskandlu ta' Justyne Caruana

Li quddiem l-iskandlu ta’ Justyne Caruana, il-Prim Ministru jibqa’ ma jiħux azzjoni minkejja l-evidenza kollha fil-konfront tal-Ministru Caruana li qed tiġi ppreżentata lill-pubbliku fir-rapport xokkanti tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, hija xhieda li Robert Abela huwa mmanipulat u miżmum ostaġġ.

Il-Gvern tiegħu jinsab f’kollass.  

L-intenzjoni ta’ dan l-artiklu hija li nislet partijiet mill-istess rapport biex il-pubbliku jifhem il-gravità tal-każ li fih il-Ministru Caruana tat kuntratt ta’ Direct-Order ta’ €15,000 lil Daniel Bogdanovic (allegatament is-sieħeb tagħha) għal xogħol li eventwalment qatt ma għamel u bil-barka tagħha stess.

Justyne Caruana għalhekk, hi responsabbli u għandha titneħħa mill-kariga tagħha ta’ Ministru tal-Edukazzjoni u mill-Kabinett ta’ Robert Abela. Huwa evidenti li marret kontra l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, u kisret id-dispożizzjonijiet tal-artiklu 5.1, 5.3, 5.4 u 8.6 tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, li jidher bħala t-tieni skeda tal-Att, billi tat trattament preferenzjali lil Danijel Bogdanovic, u b’mod partikolari billi tatu kuntratt b’direct order li s-Sur Bogdanovic la kien ikkwalifikat u lanqas kien kompetenti biex iwettqu. Mhux biss, iżda sar sforz konċertat biex tinħeba linkompetenza tas-Sur Bogdanovic billi x-xogħol tal-kuntratt sar minn Dr Paul Debattista, konsulent tagħha fil-ministeru, minfloku, u billi dan il-fatt ġie mistur fix-xhieda li ngħatajt” (punt 231) lill-Kummissarju Dr George Hyzler.

Artiklu 5.1 jafferma l-importanza li s-sens ta’ servizz lejn il-pubbliku għandu jingħata prijorità u l-Ministri ma għandhom qatt ikunu motivati minn intenzjoni li jiggwadanjaw huma stess, familthom jew ħbiebhom; Artiklu 5.3 jgħid li la darba l-Ministri jamministraw u jaġixxu f’isem il-pubbliku, għandhom jeżerċitaw l-ogħla livell ta’ diliġenza li tinkludi l-użu ta’ fondi pubbliċi, u jservu fl-irwol tagħhom b’diliġenza; Artiklu 5.4 jenfasizza fuq l-importanza tal-imparzjalità fil-prestazzjoni tal-irwol pubbliku u li jinkludi l-appuntament ta’ karigi; Artiklu 8.6 jgħid li ebda Ministru ma għandu jkun involut f’deċiżjonijiet li jaffettwaw il-membri tal-familja tiegħu jew qraba jew ħbieb u ebda Ministru ma għandu jkun ikkundizzjonat b’deċiżjonijiet ta’ konflitt ta’ interess finanzjarju jew xort’oħra kemm jekk jinvolvu lilu nnifsu jew nies viċin tiegħu... biex jiffavorixxi nies għad-detriment ta’ ħaddieħor.

Dan il-ksur huwa msaħħaħ minn diversi spunti li fir-rapport konklussiv tal-Kummissarju jikkonfermaw li: Justyne Caruana fil-kapaċità tagħha ta’ Ministru kienet hi li għażlet lil Daniel Bogdanovic u mhux kif ingħatat l-impressjoni li kienet l-MFA jew l-Malta Aquatic Association li ħarġet bl-isem (punt 149); Justyne Caruana riedet informazzjoni dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport speċifikament kif jingħażlu l-istudenti għal tali programmi meta fil-konklużjonijiet tar-rapport li kellu jikteb Bogdanovic dan jingħata importanza minima ħafna (punt 159); Justyne Caruana kienet taf li x-xogħol fir-rapport kien qiegħed isir minn Dr Paul Debattista  (il-Konsulent ta’ Caruana) u mhux minn Bogdanovic anke jekk dan kellu jitħallas €15,000 għalih u ma għamlet xejn bix twaqqaf il-kuntratt (punt 191); il-Ministeru tal-Edukazzjoni (inkluż Frank Fabri – is-Segretarju Permanenti) approva li jagħti kuntratt lil Bogdanovic minkejja n-nuqqas ta’ kwalifika li għandu biex jagħmel tali xogħol (punt 221); jeżistu inkonsistenzi kontinwi u serji fix-xhieda li jagħtu Dr Debattista, Daniel Bogdanovic u Justyne Caruana (punt 131-132); Bogdanovic ma hux familjari mal-argumenti (miġjuba minnu!) fil-konklużjonijiet tar-rapport tant li jirreferi għal informazzjoni li eventwalment mhix inkluża fir-rapport stess (punt 175/177); Bogdanovic kien se jitħallas għal xogħol li ma għamilx hu u li fih hemm indikat xogħol li qatt ma kien ser isir (punt 197); Bogdanovic gideb ripetutament dwar ix-xogħol li qed jallega li għamel anke quddiem il-Kummissarju tal-Istandards (punt 166).

Dan kollu jikkonferma l-gravità tal-iskandlu ta’ Justyne Caruana li quddiemu sa issa, il-Prim Ministru għadu ma għamel xejn u ma ħa ebda azzjoni. Sadanittant, mexa b’mod differenti ma’: Rosianne Cutajar li talabha tirriżenja u eventwalment ma ngħatatx Ministeru mill-ġdid; Silvio Grixti li qed ikun investigat mill-FCID talli allegatament iffalsifika xi ċertifikati mediċi li ntalab jirriżenja mill-Parlament; Edward Zammit Lewis, Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi li kollha għadhom qed isibu s-sapport ta’ Robert Abela.

Justyne Caruana issa tidħol fil-lista twila ta’ Ministri (jew eks) li użaw il-fondi pubbliċi għalihom infushom flimkien ma’ Aaron Farrugia, Edward Scicluna, Ian Borg, Silvio Schembri, Carmelo Abela.

Għaliex Robert Abela qiegħed jiddefendi lil Justyne Caruana? X’taf fuq il-Prim Ministru li minħabba f’hekk qed iżżommu ostaġġ tal-azzjonijiet tagħha?

Is-settur tal-edukazzjoni jista’ jimxi ’l quddiem hekk?