Negħlbu l-COVID-19 b'Responsabbilta'

Wara mewġa relattivament inkwetanti ta’ każijiet ta’ COVID-19 li għafset lil Malta f’dawn l-aħħar jiem, min-nhar it-Tnejn li għadda l-iskejjel tagħna reġgħu fetħu l-bibien għall-istudenti f’tentattiv sabiex pajjiżna jimxi lejn in-normalità – kelma diffiċli fi żminijiet ta’ pandemija. Jidhirli li għalkemm in-numri ta’ każijiet kuljum huma allarmanti f’in kwantu ta’ persentaġġi, il-poplu b’mod ġenerali mhuwiex daqstant preokkupat, aktarx għaliex jeżisti sens ta’ komfort minħabba r-rata kbira ta’ tilqim.

Interessanti tassew dak li qal il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez din il-ġimgħa fir-rigward tal-pandemija li llum ma għandhiex tibqa’ kkunsidrata bħala tali imma għandha tkun meqjusa bħala epidemija (minkejja li l-kelma eżatta għal dak li qed jiġri fid-dinja hija dik ta’ “pandemija”). Jidher li dan ir-raġunament fi Spanja, se jwassal biex fil-pajjiż l-Awtoritajiet tas-Saħħa mhux se jibqgħu jżommu d-data ta’ u għal kull każ, allura ma jingħataw id-dettalji lill-pubbliku, u fl-istess waqt dawk kollha li juru sinjali jew sintomi ta’ COVID mhux neċessarjament ser ikunu mitluba jagħmlu swab. Minkejja dan, se tibqa’ tingħata l-attenzjoni medika lil dawk kollha li jeħtiġuha.

Din hija deċiżjoni fid-direzzjoni tan-normalità wara xhur twal ta’ pandemija li sfurzat bidliet serji fuq il-ħajja tagħna b’mod ġenerali. Inħoss li din hija t-triq ’il quddiem. Lokalment, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jingħaqad mal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (the Chamber of SMEs) sabiex il-perjodu ta’ kwarantina għal dawk infettati jonqos għal ħamest ijiem bħalma qed isir attwalment fl-Istati Uniti. Jekk verament nemmnu li rridu n-normalità biex qabel kollox nibqgħu nagħtu s-servizzi essenzjali u anke dawk anqas essenzjali, ma jistax ikollna eluf kbar ta’ nies fi kwarantina anke jekk huma negattivi għall-varjant Omicron tal-COVID-19. Jaf wasal ukoll iż-żmien li jkunu eliminati l-Contact Tracing u l-kwarantina kompletament. Dan kien ikkunsidrat serjament fl-Afrika t’Isfel, anke jekk tali pjanijiet ġew irtirati għalissa.

La darba ninsabu f’sitwazzjoni li fiha b’mod evidenti s-sistema attwali ta’ Contact Tracing falliet kompletament, u la darba għandna sitwazzjonijiet fejn nies li jinsabu fi kwarantina mhumiex taħt il-monitoraġġ tal-Awtoritajiet għaliex ma hawnx biżżejjed riżorsi umani biex dan ikun prijoritizzat, irridu nkunu aktar responsabbli. Għalhekk, irridu nintroduċu, illum qabel għada, sistema responsabbli ta’ self-testing għall-COVID-19 (li għandhom jingħataw mingħajr ħlas lill-familji) sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq l-awtoritajiet li huma b’ġimgħat lura fil-ġlieda tagħhom kontra l-COVID-19 minħabba diversi raġunijiet. Tali deċiżjoni tinstiga sens ta’ responsabbiltà akbar fuq il-poplu li jrid ikompli miexi lejn in-normalizzazzjoni tiegħu fuq kull livell, imma primarjament dak ta’ saħħa, ekonomiku, turistiku, soċjali, kulturali u edukattiv. Dan ikun qiegħed juri li min jieħu d-deċiżjonijiet jemmen fil-maturità tal-poplu Malti li aktar ma jmur aktar qed jitlef il-fiduċja fl-implimentazzjoni tas-sistema u d-deċiżjonijiet irrazzjonali tal-Gvern fil-mument.

Għalkemm pajjiżna għandu rata għolja ta’ nies imlaqqma saħansitra bil-booster ukoll, fadal ħafna eluf li mhumiex konvinti mill-vaċċin, u dawn għandhom kull dritt u lil dawn irridu niddefendulhom dan id-dritt li ma jemmnux fil-vaċċin. Jibqa’ l-fatt, li kulħadd għandu jagħmel l-għażliet tiegħu b’mod responsabbli u ma nistgħu qatt niddiskriminaw kontra min għal raġuni jew oħra mhuwiex favur it-tilqim. Hija ħasra li qed issir diskriminazzjoni (saħansitra anke f’Malta) indiretta f’tentattivi ddisprati biex tkun imxejna l-pandemija anke jekk dan jista’ jmur kontra d-drittijiet tal-bniedem. Jien nibqa’ tal-fehma qawwija li kulħadd għandu d-dritt għall-għażla, u ma nista’ qatt naċċetta impożizzjonijiet fuq dawk li għandhom nuqqas ta’ fiduċja fil-vaċċin, speċjalment fuq il-ġenituri li ma jħossux li għandhom ilaqqmu lil uliedhom.

Naslu biex negħlbu din il-pandemija billi nkunu responsabbli u mhux bl-oppressjoni.