Iħallas il-Poplu Malti għall-"Iżbalji" tal-Laboour
-
in Politika
Għall-Gvern Laburista, li l-poplu jħallas għan-nuqqasijiet serji tiegħu hija n-norma. Ma hemmx linja definita li tagħmel distinzjoni bejn il-ħażin u t-tajjeb fil-politika tal-Partit Laburista. Dan kollu jikkonferma li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa maqtugħ kompletament mir-realtà. Malta taħt Robert Abela hija biss kontinwazzjoni ta’ Malta taħt Joseph Muscat – ċerti ‘żbalji’ jibqgħu għaddejjin u l-poplu jħallas għalihom.
Skont l-NSO, pajjiżna llum għandu defiċit ta’ €276.6 miljun bid-dejn pubbliku jiżdied b’€7,989.3 miljun jew inkella 57.2% tal-GDP (ċifri għall-perjodu ta’ Lulju-Settembru / 2021). Meta nikkomparaw dan il-perjodu mal-istess perjodu ta’ sena qabel, naraw li Malta żiedet id-dejn b’€98.5 miljun. Għalhekk, waqt li pajjiżna jinsab jgħabbi l-miljuni ta’ djun fuq dahar il-poplu Malti, il-Gvern sodisfatt jabbuża mill-poter u minn flus il-poplu.
Quddiem dan in-nuqqas ta’ governanza tajba, Robert Abela naqas milli jilqa’ l-abbozz ta’ liġi li jimplimenta l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika ta’ Daphne Caruana Galizia biex jindirizza n-nuqqasijiet ta’ pajjiżna, mhux talli hekk talli rrefera għalih bħala ‘gimmick’ waqt li fl-istess ħin qalilna li f’sentejn ma kellux każ wieħed ta’ governanza ħażina. Surreali li Robert Abela jagħżel li jinsa b’konvenjenza l-lista ta’ skandli taħt it-tmexxija tiegħu.
Nibdew bl-aktar qrib tiegħu, Chris Fearne, id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista li ta lill-Campaign manager tiegħu l-paga ta’ €13,000 fix-xahar, salarju li allegatament ġie rduppjat għal raġuni purament ibbażata fuq il-qrubija ta’ bejnha u Fearne. Ironikament, din hija l-istess paga li kien ta Konrad Mizzi lil martu Sai biex pajjiżna tħallas bil-lista l-griża. Dan huwa l-istess Fearne li għandu obbligu politiku jassigura li f’mument ta’ pandemija, il-frontliners tagħna jkunu rikonoxxuti għax-xogħol impekabbli li qed jagħmlu. L-isforzi tagħhom imma, mhumiex importanti daqs ta’ Carmen Ciantar! Il-Partit Nazzjonalista, f’wieħed mill-abbozzi li ppreżenta, jindirizza dan l-abbuż u jikkunsidrah b’att kriminali. Għalhekk, Robert Abela, jinsab dahru mal-ħajt u ma għandu ebda għażla ħlief li jkompli jgħix fid-dinja surreali tiegħu.
Imma dan mhux każ iżolat. Il-lista ta’ skandli li saru taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela hija twila wkoll u dejjem iħallas għalihom il-poplu, u d-dejn dejjem jiżdied. Għandna l-każijiet ta’ Ian Castaldi Paris u Rosianne Cutajar, żewġ Deputati li għandhom jirrappreżentaw lill-Partit Laburista fil-Gvern, inqabdu ma jiddikjarawx flejjes kbar. Justyne Caruana wkoll għadha fil-Parlament (għalkemm kienet kostretta li tirriżenja minn Ministru minħabba pressjoni qawwija tal-Oppożizzjoni) wara li ġiet ikkundannata mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler li għaddiet kuntratt ta’ €15,000 għal tliet xhur f’Direct-Order lis-sieħeb tagħha. Lil Edward Zammit Lewis baqa’ qatt ma neħħieh minn Ministru tal-Ġustizzja anke jekk huwa evidenti li bejnu u bejn Yorgen Fenech kien hemm relazzjoni ta’ ħbiberija intima anke wara li Fenech kien ikkonfermat li huwa s-sid tal-kumpanija infami 17Black u r-relazzjonijiet tagħha man-negozjar tal-Wind Farms fil-Montenegro li għalihom qed iħallas il-poplu. L-aħħar każ minn sensiela ma tintemm qatt, Alex Muscat li jrid jikri binja għal Transport Malta fil-qalba tal-Mosta b’valur ta’ €400,000 għaliex huwa importanti li tali uffiċini jkunu fl-akbar lokalità tad-Distrett tiegħu.
Dan huwa l-Partit Laburista ta’ Robert Abela, b’kuntrast mal-Partit Nazzjonalista li se jibqa’ jassigura li l-Gvern mill-kliem jgħaddi għall-fatti u jipprovdi l-għajnuna lil min għandu bżonnha u fl-istess waqt jiġġieled għal dawk li bħalissa għaddejjin minn żmien ħażin minħabba l-pandemija.