Il-Gvern ta' Abela fi Kriżi
-
in Politika
Ir-rivelazzjonijiet f’Novembru tal-2021 tat-Times of Malta li Joseph Muscat tħallas €60,000 għal konsulenzi li għamel għall-kumpanija Accutor AG u li skont Matthew Caruana Galizia dawn jammontaw għal aktar minn €500,000 u li wasslu għal tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru f’Burmarrad, ħolqu kriżi bla preċedent fil-Gvern ta’ Abela. Dan jidher b’mod ovvju fil-media soċjali għaliex diversi esponenti tal-Partit Laburista fosthom Emanuel Cuschieri u Jason Micallef, ħaduha qatta’ bla ħabel kontra l-Prim Ministru li qiegħed jinqeda bl-istituzzjonijiet sabiex jattakka lil Muscat u “jumiljah”.
L-ewwel nett, se nfisser ftit għaliex Joseph Muscat illum, mhuwiex bniedem komuni bħalma aħna jien u int. Joseph Muscat huwa bniedem komuni biss quddiem il-liġi – jekk verament taħt il-Labour il-liġi hija l-istess għal kulħadd: jien għandi d-dubji tiegħi! – imma mhux bniedem komuni meta nsiru nafu li fl-aħħar ġimgħat tiegħu ta’ Prim Ministru possibbilment daħal f’kuntratt mal-kumpanija Accutor AG sabiex sa minn Frar tal-2020 (b’mod indefinit!) jagħtiha l-konsulenzi wara li ma jibqax fil-kariga Eżekuttiva ta’ Prim Ministru. La darba bejn il-Gvern Malti ta’ Muscat u Accutor AG kien hemm – jew għad hemm! – relazzjoni u obbligu kuntrattwali, allura Muscat huwa soġġett għall-investigazzjoni.
Imma din Accutor AG, x’kumpanija hi u x’relazzjoni għandha ma’ Muscat u l-amministrazzjoni infami tiegħu u ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi? Il-kumpanija Accutor AG (illum falluta) flimkien mal-kumpanija Spring X Media (illum taħt likwidazzjoni) li lkoll kienu reġistrati f’isem avukat mill-Pakistan ċertu Wasay Bhatti ( li ironikament kellu relazzjoni ma’ Yorgen Fenech) f’indirizz fl-Iżvizzera u li ma’ dawn kien hemm ukoll il-kumpanija VGH Europe (ma hux stabbilit jekk din hijiex referenza għall-Vital Global Healthcare Europe), għaddiet 4 pagamenti għall-konsulenzi lil Muscat fl-ammont ta’ €60,000. Dawn il-pagamenti waqfu immedjatament mingħajr raġuni li hija magħrufa minkejja li l-kuntratt kien indefinit. Xi rapporti fil-media internazzjonali u lokali donnhom qed jindikaw li dawn twaqqfu minħabba informazzjoni li setgħet tiġi żvelata minn shareholders tal-istess kumpanija Accutor AG imma din l-informazzjoni għadha mhix affidabbli għalkollox. Caruana Galizia fil-fatt qiegħed jallega li Muscat eventwalment kellu jitħallas aktar min-nofs miljun ewro.
Interessanti ħafna imma li Accutor AG tħallset €3.6 miljun meta l-kumpanija Vitals li ngħatat il-kuntratt biex tmexxi l-isptarijiet (kuntratt li huwa illegali skont rapport tal-Awditur Ġenerali u għaldaqstant ma kellu qatt jingħata għax kien prideterminat) fl-istess żmien meta Vitals għaddiet l-isptarijiet għal ewro (biss) lil Steward Healthcare. Il-kuntratt inizjarju kien jobbliga lill-Gvern Malti biex iħallas €188,000 kuljum lil Vitals għal 30 sena, liema kumpanija tellgħet dejn ta’ €36 miljun qabel ħarġet mix-xena. Għalhekk, daqskemm ir-relazzjoni bejn Vitals li ngħatat kuntratt ivvizzjat mill-Gvern ta’ Muscat (meta Keith Schembri kien Chief of Staff u Konrad Mizzi kien Ministru tas-Saħħa) u l-istess Gvern ta’ Muscat hija evidenti, l-istess hija evidenti r-relazzjoni (stramba/perikoluża) bejn Vitals (li anke tista’ tkun VGH Europe taħt l-istess indirizz Żvizzeru) u Accutor AG li mingħandha u mingħand Spring X Media Muscat tħallas €60,000.
Ir-reazzjoni ta’ Muscat wara t-tfittxija fir-residenza tiegħu l-ġimgħa li għaddiet u l-attakk dirett li jindirizza lil Robert Abela ġab kriżi interna fil-Partit Laburista u l-Gvern b’eluf jagħtu l-appoġġ totali lil Muscat u mhux lil Abela li jidher dgħajjef quddiem kull deċiżjoni li jieħu u kull argument li jġib. Il-famuża frażi “l-istituzzjonijiet iridu joqogħdu attenti...” hija biss sforz l-attentat fjakk ta’ Prim Ministru li jrid juru li għandu Gvern taħt kontroll meta fl-istess waqt qiegħed jiċċaqċaq internament.
Il-mistoqsija hija waħda: x’se jagħmel Robert Abela issa, se joqgħod lura u jintervjeni biex l-istituzzjonijiet “joqogħdu attenti” jew se jagħmel dak li huwa dovut minnu bħala Prim Ministru u jittratta lil Muscat bħala ċittadin komuni quddiem il-liġi imma wkoll bħala persuna ta’ interess la darba għandu x’jaqsam ma’ Accutor AG li ħadet flus il-poplu għal min jaf xiex?