Kuntrasti

Bil-Malti ngħidu “min mejjet fis-sakra u min mejjet għal qatra”.

Dan huwa eżattament dak li qiegħed jinstiga Robert Abela li qiegħed iżomm il-wegħda li għamel mal-poplu Malti meta sar Prim Ministru: il-wegħda tal-kontinwità, jiġifieri li jkompli jassigura li hu u dawk tal-qalba jkomplu jiffangaw minn flus il-poplu waqt li l-familji Maltin għaddejjin jitħabtu mal-ħajja. Anzi, Robert Abela ilu jiffanga u jitħanżer sa minn qabel sar Prim Ministru.

Għal din is-sena l-Ministru Clyde Caruana ta lill-familji Maltin €1.75 fil-ġimgħa, jew inkella 25ċ kuljum. Żieda pjuttost tad-daħk u li turi kemm il-Gvern Laburista huwa maqtugħ mir-realtajiet li qed jiffaċċjaw il-familji Maltin kuljum. Imma Robert Abela nnifsu ħa €550 kuljum f’konsulenzi mill-Awtorità tal-Ippjanar għal 6 snin sħaħ, jiġifieri total ta’ aktar minn €1.2 miljuni. Din hija l-kontinwità: it-tberbiq ta’ flus il-poplu li jinsab kontinwament u kuljum mhedded mill-għoli tal-ħajja li qiegħed jgħaffeġ il-familji, lin-negozji u lill-anzjani tagħna.

Dan huwa Gvern li jsib il-flus għal kollox u għal kulħadd dejjem jekk tkun jew tal-qalba jew inkella għall-propaganda Laburista. L-istudenti tal-Higher Secondary, dan ix-xahar lanqas biss irċevew l-istipendji bl-ammonti korretti – ħafna studenti ħadu inqas minn kemm suppost – imma fl-istess waqt nefaq nefqa astronomika għall-Malta Films Awards li ma kienet xejn ħlief ċerimonja partiġġjana biex fiha naraw ftit Ministri jippoppaw sidirhom fuq it-televiżjoni u li serqu x-xena meta din kellha tkun attività li tiċċelebra t-talent lokali.  

Dan huwa l-Gvern li ta €163,000 fis-sena lil Carmen Ciantar u li ta kuntratt lil bintha, dan huwa l-Gvern li mhux interessat jiġri wara s-€36 miljun f’taxxa dovuta lill-Kummissarju tat-Taxxi minn Steward Healthcare, dan huwa l-Gvern li jawgura l-istess proġetti aktar minn darba, dan huwa l-Gvern li issa b’ammissjoni tal-Ministru Miriam Dalli nafu li qed ninsterqu mill-kontijiet tad-dawl u tal-ilma... u nibqa’ sejjer.

X’kuntrast bejn il-bżonn li jkollna Gvern b’ruħ soċjali għal dan il-Gvern tal-Opportunisti. Din hija Malta tal-2022, b’żieda sostanzjali fil-FoodBanks (inizjattivi biex jitimgħu lil min ma jistax jaffordja platt kuljum!), għaliex għal-Labour il-fqir huwa biss numru li ma jiswa xejn. Jien, int u l-familji tagħna ma jiswew xejn għaliex l-importanti l-vot. Robert Abela huwa għami, mhux jara l-bżonn li dan il-pajjiż jindirizza verament il-problemi soċjali serji li għandna quddiemna u qiegħed jara biss sal-elezzjoni ġenerali għaliex dik biss hija l-prijorità għalih.

Għalhekk, għall-kuntrarju l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitkellem dejjem aktar fuq l-idea ta’ ‘Living Wage’, li kienet issemmiet ukoll minn Joseph Muscat snin ilu u li dwarha l-Gvern Laburista baqa’ ma għamel xejn. Din ix-xorta ta’ ‘Living Wage’ għandha tkun is-soluzzjoni (almenu fl-immedjat) sabiex dawk l-aktar vulnerabbli jibdew jgħixu u mhux jeżistu b’salarji li ma jibqgħux aktar ankrati fil-qiegħ taħt it-titlu degradanti ta’ “paga minima”.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-bniedem, jemmen fid-dinjità ta’ kull individwu u jassigura li jagħraf il-bżonnijiet tiegħu biex ikun stmat. Għalhekk, il-‘Living Wage’ li qegħdin nipproponu għandha titla’ gradwalment u tkun ibbażata fuq mudell sostenibbli fuq medda ta’ snin sabiex ikun hemm bilanċ bejn l-għoli tal-ħajja u l-‘Living Wage’.

Bħala Partit aħna jinteressana min-nies, aħna rridu l-indipendenza assoluta għal kulħadd. Kemm jiddispjaċini meta nara dan is-sens qawwi ta’ egoiżmu li qed iħaddnu ħafna nies “imsieken” fil-Partit Laburista li mhumiex jifhmu li l-governanza ma hix sempliċiment iċ-ċekk fil-but. Kemm għandna għaliex naħdmu biex negħlbu din il-mentalità marradija li qiegħda tnawwar fina sens qawwi ta’ egoiżmu injurant li bih ħafna partitarji Laburisti qed jaraw biss sal-ponta ta’ mneħirhom. Nikkwota ‘verbatim’ kumment li vittma tal-għamad soċjalist-korrott kitibli fuq post fuq il-midja soċjali u tifhem waħdek kemm għadna lura meta għadna nirraġunaw hekk:

“So what, Partit spiccut (referenza għall-PN). Siebu harruba u ghamlu bhall Juda. L importanti lil lili jbaghatli ic ċekkijiet il labour mhux bħall PN jbaghatli l kontijiet”.

Fid-dinja tal-midja soċjali tal-lum, ngħidulu hekk: “Ifraħ u ċapċap ja Ġaħan!”