Ilna nafu dak li sirna nafu

L-ammissjoni ċara ta’ Nadine Delicata – li qed titkellem f’isem Steward – li l-konċessjoni mogħtija lil Vitals Global Healthcare (VGH) hija skandaluża u bbażata fuq numru ta’ irregolaritajiet, tikkonferma dak li l-Partit Nazzjonalista u l-media indipendenti ilhom jitkellmu dwaru. Għalhekk sirna nafu dak li ilna nafu!

Delicata fit-Times of Malta tikteb li l-VGH ħolqu numru ta’ kumpaniji li fihom u bejniethom imxew fondi u assi. Xejn ġdid. Issa nafu wkoll, b’konferma, li l-kumpanija Accutor AG li tħallset €4 miljuni fl-istess ġimgħa li l-isptarijiet għaddew mingħand VGH għal Steward hi l-istess Accutor AG li għaddiet il-ħlasijiet tal-konsulenzi lil Joseph Muscat. Interessanti ħafna li Delicata qiegħda tikkonferma li fil-perjodu li fih VGH mexxiet l-isptarijiet Karin Grech, l-Isptar ta’ Għawdex u San Luqa, il-kumpanija ma żammet ebda rendikont ta’ ‘management accounts’. Aktar minn hekk, il-kumpanija – li skont rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar (tal-2017) jikkonferma li kien hemm ma’ 60 okkażjoni li fiha l-VGH kisru l-obbligazzjonijiet tagħhom skont il-kuntratt ta’ €4 biljuni – baqgħet qatt ma kienet investigata anke jekk dan il-kuntratt kien ikkundannat mill-Awditur Ġenerali u meqjus bħala “konċessjoni dubjuża” u l-ftehim kien “prideterminat” u għalhekk qatt ma kellu jsir. Dan għalhekk huwa ftehim illegali li oriġinarjament rabat lill-Maltin iħallsu €188,000 kuljum għal 30 sena u li qatt ma kellu jsir.

Nikkwota minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar l-artiklu li fih Nadine Delicata tispjega bl-aktar mod evidenti n-nuqqasijiet tal-ftehim skandaluż: “...id-deal ma kienx pjanat sew għax sar mingħajr ħsieb u ma kienx favur il-poplu Malti. Vitals ħolqu kumpaniji biex jgħattu l-abbużi u ma kienu qed iżommu l-ebda kontijiet ta’ dak li kienu qed jonfqu. Ammettew ukoll li Vitals ingħataw il-miljuni ta’ ewro u ħadd mill-Gvern ma kien qed jiċċekkja x’qed isir minnhom.  Apparti dan kemm Vitals kif ukoll Steward ma wettqux l-obbligazzjonijiet li kienu ntrabtu li jwettqu… u quddiem dan kollu l-Gvern ma għamel xejn biex huma jwettqu dawn l-obbligazzjonijiet.”

Imma sa issa x’nafu dwar dan kollu?

Wara l-privatizzazzjoni dubjuża u negliġenti tal-isptarijiet fl-2015 għal perjodu ta’ 30 sena, ftit smajna u qrajna b’aħbarijiet pożittivi dwar dan il-ftehim li llum qiegħed mhux biss jimplika fih b’mod dirett lil Konrad Mizzi (li dak iż-żmien kien Ministru tas-Saħħa responsabbli mill-isptarijiet) imma wkoll lil Joseph Muscat.

L-ewwel nett, Steward daħlet fix-xena meta l-VGH ittrasferixxiet l-isptarijiet lil Steward għal €1. Kien hawnhekk, fl-2018 meta l-Partit Nazzjonalista bħala Oppożizzjoni beda jagħmel pressjoni serja sabiex jitħassar il-kuntratt u l-isptarijiet jingħataw lura lill-Maltin. Din il-pressjoni wasslet biex illum nafu li Konrad Mizzi daħħal klawsola li f’każ li l-ftehim ikun imħassar il-Gvern Malti jrid iħallas mal-€100 miljun f’“pay-out-clause” bil-barka tal-kabinett Laburista. Robert Abela, illum Prim Ministru u dik il-ħabta konsulent ewlieni ta’ Joseph Muscat wiegħed li se jirrevedi l-ftehim madankollu sa issa, il-Gvern tal-kontinwità ma wera ebda sinjal ta’ azzjoni. Aktar minn hekk, il-Gvern tiegħu f’Diċembru tal-2021 ivvota fil-Parlament favur iż-żieda tal-miżata annwali li tammonta għal kważi €70 miljun lil Steward.

Tajjeb li nfakkru li l-ftehim oriġinali – li kien jobbliga lil VGH biex tiżviluppa mill-ġdid, tmexxi, tieħu ħsieb u topera t-tliet sptarijiet imma wkoll tibni skola medika f’Għawdex ta’ livell universitarju – bejn il-Gvern Malti u l-Vitals ġie ffirmat f’Marzu tal-2016 ma’ ċertu Ram Tumuluri, negozjant Indjan bil-proċess tal-privatizzazzjoni jkun taħt ir-responsabbiltà ta’ Projects Malta (taħt Konrad Mizzi). Ram Tumuluri allegatament tħallas €5 miljuni (fil-kumpanija tiegħu Bluestone Investments) meta sar it-trasferiment minn VGH għal Steward mil-istess kumpanija Accutor AG li għaddiet il-ħlas għall-konsulenzi lil Joseph Muscat (€60,000 f’erba’ pagamenti minn Accutor u Spring X Media – kumpaniji taħt Wasay Bhatti) minkejja li l-kumpanija ħalliet warajha f’€36 miljun taxxa dovuta lill-Kummissarju tat-Taxxi.

Jekk it-talba oriġinali kienet tobbliga investiment ta’ €150 miljun fl-infrastruttura, tagħmir mediku u manutenzjoni, il-kuntratt iffirmat minn VGH ma kienx marbut mal-istess obbligi. Dan diġà jikkonferma li l-ftehim ma’ VGH sar bi skop tant li VGH iffirmaw Memorandum of Understanding mal-Gvern qabel intrebaħ it-tender stess, u dan sar fil-preżenza ta’ Chris Fearne li llum qiegħed jaħrab milli jikkummenta dwar dan il-ftehim. Ta’ min jinnota li t-talba pubblika saret f’April tal-2015 imma l-MoU kien iffirmat xahrejn qabel. VGH uffiċjalment ħadet it-tender f’Settembru tal-istess sena.

Il-VGH, hija kumpanija li apparti li ma kellha ebda esperjenza fil-qasam mediku, fil-biċċa l-kbira tagħha mhux magħruf min hu warajha.

Din hija l-istorja li ħafna ma jafux. Din hija l-istorja li ilna nisimgħu dwarha u llum qed nikkonfermawha.