Robert Abela Mifxul
-
in Politika
Għal dawn l-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista enfasizza bil-qawwa li l-ambjent naturali ta’ pajjiżna m’għandu qatt jingħata għall-bini jekk mhux minħabba importanza nazzjonali. Għal diversi snin sa minn mindu l-Gvern tal-Labour, b’daqqa ta’ pinna minn Kastilja, ta l-art daqs għaxar grawnds tal-futbol lil Sadeen biex jibnu kampus Universitarju tal-hekk imsejħa Università Amerikana għal Università li mhix kapaċi timla l-kampus li għandha f’Bormla, il-Partit Nazzjonalista kien konsistenti.
Din il-Ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela – li b’mod evidenti jidher mifxul u bla kontroll tal-Gvern – ammetta li wara kollox din l-art għandha tibqa’ tal-pubbliku, talba tal-Partit Nazzjonalista sa mill-2015. F’Settembru li għadda l-Partit Nazzjonalista ressaq proposti konkreti dwar l-artijiet ODZ (barra miż-żona tal-iżvilupp) biex dawn ikunu protetti u ma jkunux għad-dispożizzjoni tal-Gvern li jista’ jużahom u jgħaddihom lil xi ħabib tal-ħbieb bħalma għamel Muscat meta għadda l-art massiva taż-Żonqor lil Sadeen. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li tali art għandha biss tintuża jekk kemm-il darba jkun hemm żvilupp ta’ interess nazzjonali wara approvazzjoni ta’ żewġ terzi fil-Parlament.
Ironikament, Robert Abela qiegħed jipprova jieħu l-mertu għaliex se jagħti lura lill-Gvern art li minn dejjem kienet u kellha tibqa’ tal-Gvern. Din hija biss ammissjoni li għal dawn l-aħħar seba’ snin il-Partit Nazzjonalista kellu raġun. Dan huwa proġett li l-unika intenzjoni tiegħu kienet li jgħaddi art imdaqqsa lill-barrani għal Università li skont l-aħħar statistika li għandna f’idejna turi li sa Ottubru tal-2019 kellha biss 143 student.
Interessanti ħafna li skont gazzetta ewlenija, il-kumpanija li tmexxi din l-Università għamlet telf ta’ madwar €15-il miljun fit-tliet snin bejn l-2018 u l-2020. Huwa evidenti tassew li din l-Università baqgħet qatt ma attirat biżżejjed studenti tant li lura fl-2015 il-Ministru tal-Edukazzjoni ta’ dik il-ħabta Evarist Bartolo kien spjega li l-art fiż-Żonqor ma għandhiex tingħata lil Sadeen.
Sal-lum għadu mhuwiex magħruf sewwa x’kien hemm moħbi wara l-ftehim bejn Joseph Muscat u Sadeen biex tingħata art lil Università ta’ 100 student u li żgur ma għandhiex ħtieġa għaliha. Għadu mhuwiex magħruf ukoll x’qed ikun / ser ikun propost biex il-kampus eżistenti jikber f’parti mill-ftehim biex l-art li Muscat seraq minn ħalq il-poplu biex jagħtiha lill-barrani tingħata lura lill-Maltin.
***
Quddiem l-aħħar rivelazzjonijiet tal-gazzetta The Sunday Times of Malta b’rabta ma’ konvenju li għamel il-Prim Ministru Robert Abela u li fih jinvolvi allegat kriminal, Robert Abela għandu ħafna xi jwieġeb.
Minflok, mifxul, qiegħed jevita l-midja u saħansitra anke hedded lit-Times of Malta b’bojkott. Robert Abela għandu l-obbligu legali imma wkoll politiku li jwieġeb kull mistoqsija li qed tagħmillu l-Oppożizzjoni Nazzjonalista u l-midja b’mod ġenerali dwar dak li ġie ppubblikat. Fin-nuqqas li jwieġeb, Abela jkompli joħnoq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li jkun jaf x’valur kellu dak il-konvenju u jekk hux minnu li involva l-miljuni tal-ewro. L-Oppożizzjoni qed tistaqsi wkoll x’kienet id-data, għal kemm żmien kien validu u jekk il-Prim Ministru hux lest jippubblikah, xi kemm-il konvenju sar, xi kemm-il ċessjoni saret, xi kemm għadda żmien bejn il-konvenju u ċ-ċessjoni, jekk il-Prim Ministru għamilx qligħ miċ-ċessjoni, kif tħallsu l-flus u jekk jistax jippreżenta d-dokumenti fiskali b’rabta ma’ dan in-negozju ma’ allegat kriminal.
Għall-Partit Nazzjonalista dawn it-tweġibiet huma vitali. Għall-Prim Ministru, bħas-soltu, xejn mhu xejn.