Miegħek. Biex Nagħtuk Tama
-
in Politika
Il-Manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista huwa xhieda ħajja ta’ Partit li qiegħed hemmhekk janalizza l-qagħda soċjopolitika tal-lum u jħejji viżjoni għal għada. Il-viżjoni li għandna quddiemna hija viżjoni msejsa fuq il-prijoritajiet tan-nies, għaliex għedna kemm-il darba li n-nies huma l-qofol taċ-ċentru politiku.
Jekk għal Robert Abela u l-Partit Laburista l-interess huwa l-kariga, għal Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista l-interess huwa dak nazzjonali. Aħna rridu nilħqu l-milja tal-ħajja għaliex nemmnu fil-bniedem, nemmnu fil-kapaċitajiet, nemmnu fl-opportunitajiet u mhux fil-karitajiet. Aħna rridu nwelldu mill-ġdid pajjiż li fih is-sens ta’ ġustizzja u kompetizzjoni ekwa jkunu standardizzati biex il-poplu jħares ’il quddiem u jinqata’ mill-klijentaliżmu tal-Gvern li ġab lin-nies tallaba b’aktar minn 100,000 persuna (statistika tal-2020) f’riskju kbir ta’ faqar għaliex berbaq il-miljuni minn ħalq il-poplu biex jaqdi l-interessi tiegħu u jagħti l-ftitijiet lin-nies.
Il-Partit Nazzjonalista hawnhekk qed jippreżenta viżjoni li permezz tagħha aħna se nkunu Miegħek (għal Malta) għax l-interess tagħna huwa ‘int’ u ‘Malta’. Għalhekk il-proposti tagħna jkopru kull aspett u kull qasam.
Irridu nassiguraw li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom futur sabiħ quddiemhom. Għalhekk l-investiment ekonomiku ta’ €1B (biljun ewro) biex noħolqu 10 niċeċ ekonomiċi ġodda li fihom jistgħu jimirħu u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Irridu nintroduċu l-industriji bħall-esports, tal-isports, tal-ipprintjar 3D, ninvestu f-Intelliġenza Artifiċjali u r-Robotika... Imma rridu nwaqqfu Task Force li jassigura li dak li bnejna fil-passat, bħal-Life Sciences, il-Farmaċewtika u s-setturi Marittimi u tal-Avjazzjoni jerġgħu jingħataw spinta ’l quddiem. Qed ngħaddulhom l-opportunità li jmorru barra l-pajjiż fl-Ewropa biex jieħdu esperjenza kulturali, sportiva jew edukattiva billi nagħtuhom vawċer ta’ €500 għas-safar, qed inżidu l-istipendji b’25%.
Mhux biss, nafu li l-problema li teżisti minħabba s-self mill-banek lill-koppji żgħażagħ. Għalhekk, sejrin noffru l-opportunità lil dawk li jridu jixtru l-ewwel dar billi ngħinuhom iħallsu l-10% tad-depożitu u dan jitħallas fuq perjodu ta’ 30 sena. Din se tkun qed tapplika wkoll għal dawk li jiddevorzjaw jew jisseparaw u jridu jibdew ħajja ġdida. Aħna rriduhom jirnexxu liż-żgħażagħ tagħna u mhux inġibuhom dipendenti fuq il-Housing Soċjali. Imma għal min jeħtieġ il-Housing soċjali, aħna kommessi li nibnu 500 unit kull sena.
Irridu naraw li nibdew ngħixu f’pajjiż aħjar u aktar nadif, għalhekk se nkunu qed nistinkaw biex nagħtu lura 50,000 metru kwadru fi spazji miftuħa fil-lokalitajiet u l-irħula tagħna. Se ninvestu fi trasport alternattiv, għalhekk qed nagħtu €10,000 għall-karozza l-qadima lil min lest jaqlagħha minn fuq it-triq u ma jsuqhiex għall-ewwel ħames snin. Se ninvestu fil-karozzi elettriċi u fi Trackless Tram biex l-arja tkun aktar nadifa. Fl-istess waqt, qed nikkommettu ruħna li nibnu t-tieni interconnector u ninħallu mill-kuntratt ivvizzjat tal-Electrogas li permezz tiegħu qed nixtru b’rata fissa u li mhux dejjem tkun l-aħjar waħda għall-poplu. Se ngħaddu l-qliegħ mill-emission trading lill-konsumatur u se nagħtu lura l-€50 miljun li l-Gvern Laburista seraq lill-poplu Malti mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Lill-anzjani tagħna se nkomplu nsostnuhom billi nżidulhom il-pensjonijiet u jkunu biss intaxxati bil-5% fuq dħul minn kirjiet jew mod ieħor fuq l-ewwel €20,000. Se nibdew il-kunċett tat-Tabib tal-Familja b’xejn fid-dar, se nżidu l-mediċina fuq il-formularju tal-Gvern u naraw li l-mediċini kollha fuq il-formularju jkunu b’xejn għall-pensjonanti kollha.
Lill-ġenituri se nkunu qed ninkoraġġixxuhom ikomplu jkabbru l-familji tagħhom. Se ngħaddulhom €1,000 għal kull wild (b’lura minn Jannar tal-2017). Se nżidu ċ-Childrens’ Allowance sa massimu ta’ €250 ewro għal kull wild u se nagħtu għotja ta’ €300 għal kull wild li jattendi attivitajiet estrakurrikulari wara l-ħin tal-iskola f’għaqdiet li huma reġistrati. Lil kull omm li jkollha tarbija u tidħol lura għax-xogħol se tingħata bonus ta’ €1,000.
Fuq kollox se nnaqqsu t-taxxi u nwessgħu l-opportunitajiet lill-ħaddiema, se nagħtu kreditu tat-taxxa ta’ 10% għal min jaqla’ sa €20,000 fis-sena u kreditu ta’ taxxa ta’ 5% għal min jaqla’ bejn €20,001 u €40,000. Se nagħtu bonus lill-frontliners kollha, inżidu s-salarji tal-eduktauri. Lis-Self Employed se nagħtuhom l-opportunitajiet li jibbenifikaw aktar mis-servizzi kollha daqs kwalunkwe ħaddiem u se naħtru Kumissarju fl-uffiċċju tal-Ombudsman sabiex jassigura li l-prinċipju ta’ Equal Pay for Equal Work ikun ipprattikat fil-prinċipju.
Aħna nemmnu fik. Aħna Miegħek, wara Bernard Grech biex nagħtuk tama.