Tagħkom
-
in Politika
L-elezzjoni tħabbret. Il-kampanja tal-Partiti, uffiċjalment bdiet.
Huwa ta’ privileġġ li se nerġa’, għat-tieni darba, inkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-Partit Nazzjonalista. Dan lili jagħtini mhux biss sodisfazzjoni imma responsabbiltà għaliex jien parti minn bidla li rridu nġibu fil-Partit Nazzjonalista u fil-pajjiż. Huwa evidenti, illum aktar minn qatt qabel, li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jiġġedded, jiġġenera, jinbidel, jikber, jissaħħaħ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qiegħed jisħaq biżżejjed dwar dan il-tibdil li qiegħed u li jrid ikompli jsir sabiex il-Partit Nazzjonalista jkun moviment ta’ bidla kontinwa li magħha ġġib ideat ġodda, iżda dejjem b’rispett lejn l-ideoloġija, il-prinċipji u l-valuri tal-Partit stess.
Il-bidla fil-politika, fl-opinjoni tiegħi, ma tfissirx li nbiddlu, imma tfisser biss li niġġeddu. Il-politika għalija għandha tkun bidla, dik il-bidla kontinwa li timxi maż-żminijiet u li tifhem id-diversifikazzjonijiet tal-mument mingħajr ma jitwarrbu l-valuri essenzjali li jiffurmaw l-ideoloġija tal-politika li għandha tkun ibbażata dejjem fuq is-sens ta’ demokrazija; ta’ ġustizzja soċjali; ta’ emanċipazzjoni soċjali u edukattiva; ta’ konsistenza; ta’ effettività; u ta’ lealtà.
Nifhem li l-politiku għandu l-obbligu li jwassal għall-bidla b’determinazzjoni u b’konvinzjoni, il-bidla li tegħleb il-politika partiġġjana tradizzjonali biex isservi għal nazzjon li huwa ’l fuq mill-Partiti Politiċi. Għax nemmen f’diskors Obama, li “Change will not come if we wait for some other person or some other time.” Inqis li “we are the ones we’ve been waiting for, we are the change that we seek.”
Din il-filosofija hija l-essenzjalità tal-ideoloġija politika li nħaddan bħala politiku li qiegħed nagħti l-opportunità ta’ tiġdid fil-Partit Nazzjonalista biex inservi lil pajjiżi fl-ogħla Istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament. It-tiġdid iwassal għall-bidla, il-bidla li sservi għall-ġenerazzjoni politika li jmiss. Jien inqis l-involviment politiku tiegħi ta’ Kandidat tal-Partit Nazzjonalista bħala opportunità biex inwettaq dawk il-bidliet li huma imperattivi għan-nies u li għal ħafna snin baqgħu qatt ma ġġeneraw biżżejjed attenzjoni, jew ġew posposti biex qatt ma ttieħdet azzjoni konkreta fl-aktar oqsma fundamentali tal-pajjiż.
Bħalma għamilt dejjem, irrid inkompli naħdem sabiex il-qasam edukattiv f’pajjiżna jissaħħaħ b’politika li hija żviluppata fuq il-kreattività, l-awtonomija u l-inklużjoni. Irrid nara mentalità ġdida li tifforma lit-tfal u mhux tinfurmahom, li tagħtihom l-opportunitajiet tal-ħsieb liberu. Irrid nara edukazzjoni bbilanċjata bejn dak li huwa akkademiku u dak li huwa vokazzjonali biex f’pajjiżna nibdew nippreparaw lit-tfal għad-dinja li se jsibu fi ftit snin. Irridu, aħna bħala politiċi nagħrfu li Malta mhix tagħna, imma ta’ dawk li ġejjin warajna, u għalhekk huwa fid-dover tagħna li nwelldu ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li għandhom biżżejjed għodod sabiex imexxu lil pajjiżna ’l quddiem.
Irrid nikkontribwixxi sabiex l-anzjani tagħna jibqgħu jingħataw id-dinjità, idealment fil-komunitajiet tagħhom. Lill-anzjani tagħna ma nistgħux inħalluhom ibatu t-tbatijiet finanzjarji ta’ pensjonijiet li ma jservux, tbatijiet emozzjonali ta’ solitudni f’darhom, tbatijiet ta’ inġustizzjoni fis-sigurtajiet soċjali, tbatijiet ta’ waiting lists fl-isptarijiet tagħna, tbatijiet ta’ saħħa mentali minħabba l-ġenn ta’ madwrahom, tbatijiet min-nuqqasijiet fis-sistema tas-Saħħa.
Irrid inkun minn ta’ quddiem sabiex niġġieled favur ambjent aktar nadif fil-lokalitajiet tagħna, sabiex il-ġonna pubbliċi jkunu tal-ogħla livell, sabiex il-bini ma jsirx pjaga nazzjonali ta’ konkrit bla sens li joqtol is-sabiħ ta’ pajjiżna, sabiex is-servizzi fil-komunità jkunu aktar effikaċi u user-friendly, sabiex il-kwalità tal-ħajja fiċ-ċentru urban ma tkunx eklissata bil-polluzzjoni, sabiex nibdew insaħħu l-Kunsilli Lokali tagħna li għandhom ikunu ċentri ta’ servizz u l-qalba tal-organizzazzjoni urbana.
Qiegħed nikkontesta din l-elezzjoni bl-għajta ta’ ‘tagħkom’, għaliex verament nemmen li bħala politikant irrid inkun tagħkom sabiex inservikom fil-kostitwenza, sabiex inkun tagħkom bħala vuċi fil-Parlament, sabiex inkun tagħkom fil-prinċipju, sabiex inkun tagħkom fl-ideoloġija, u fuq kollox sabiex inkun tagħkom fil-qalb. Dejjem għaraft li jekk fil-politika rrid u għandi nkun tagħkom għaliex jien wieħed minn fostkom, imma llum bl-irwol onorabbli ta’ kandidat tal-Partit glorjuż tagħna.
Għalhekk, bl-akbar sens ta’ umiltà, nistiednek biex tingħaqad miegħi f’din il-mixja elettorali, u jien ninsab konvint li flimkien se naslu biex inkompli nkun tagħkom.