Jien Nagħżel lil Bernard
-
in Politika
Fi ftit ġimgħat in-nies trid tagħmel l-għażla tagħha, trid tagħżel bejn il-Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela u l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech. Id-differenza mhijiex biss fil-manifest elettorali li qed ikun imressaq ’il quddiem, imma hija wkoll f’dawk li huma fi tmun: Robert jew Bernard.
Il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista jixhed serjetà, viżjoni u qalb soċjali li hija infilsata b’mod olistiku fis-setturi u fl-oqsma kollha ppreżentati sabiex lil Malta tal-lum inwassluha sal-2030 b’għaqal u direzzjoni. Dan huwa manifest li jkopri sens ta’ kontinwità bejn qasam u ieħor, bejn settur u ieħor għaliex għall-Partit Nazzjonalista l-interess nazzjonali b’mod ġenerali huwa l-impenn politiku primarju. Il-manifest elettorali tal-Partit Laburista, minkejja li huwa manifest ta’ Partit fi Gvern, jikkonferma dak li ilna naraw matul dawn l-aħħar disa’ snin għaliex huwa maqtugħ minn realtajiet ekonomiċi bbażati fuq ġenerazzjoni ta’ ekonomija ġdida li ssaħħaħ il-livell ta’ għajxien. Huwa nieqes minn viżjoni fit-tul, imma huwa manifest li jħares biss lejn l-interess tal-lum, sakemm tintrebaħ l-elezzjoni.
Jiena nagħżel lil Bernard għal diversi raġunijiet. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa kredibbli, determinat u xprunat mill-ideal tal-ġid komuni. Fl-umiltà tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu għan u interess wieħed: il-pajjiż. Huwa evidenti li Bernard Grech qiegħed f’sitwazzjoni ħafna aktar paċifika minn Robert Abela għaliex il-fokus primarju tiegħu mhuwiex l-interess personali imma dak nazzjonali. Lil Robert Abela ma nistax nafdah għaliex huwa mxekkel minn passat li qiegħed ikompli jfixklu milli javvanza ’l quddiem. Huwa biss il-kontinwazzjoni traġika ta’ predeċessur li huwa mwarrab mid-dinja politika tal-lum, ikkonfermat bħala korrott. Abela jrid u ma jridx se jibqa’ ankrat fil-bieraħ, il-bieraħ li fih Malta ddaħħlet fil-lista l-griża a skapitu ta’ ġenerazzjoni ekonomika li tinsab fi kriżi minħabba l-eklissi tal-Labour ta’ Joseph Muscat. Abela ma jistax jieħu lil pajjiżna ’l quddiem għaliex il-Partit tiegħu kien favur is-serq tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, favur is-serq tal-Power Station, favur is-serq tal-Vitals, favur l-inġustizzji governattivi, favur il-pagi prekarji, favur il-governanza tal-qalba. X’differenza minn Bernard Grech, li ma għandux obbligi lejn il-kuntratturi, lejn il-kriminali, lejn Joseph Muscat u Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Għalhekk, l-għażla għalija hija naturali, hija ovvja, hija deċiżiva, jiena favur Bernard Grech għaliex Bernard Grech jista’ jkun parti mis-soluzzjoni li pajjiżna jeħtieġ. Robert Abela jrid jagħti l-impressjoni li huwa s-soluzzjoni, meta llum nafu li huwa l-problema għaliex mhux kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet. Huwa mmexxi mill-passat biex jillappazzaw futur għal uliedna. Huwa skadut fl-infanzja tiegħu. Huwa għajjien, mitluf, ippanikjat, bla ideat ħlief dawk ispirati minn tattiċi li mhumiex frott il-prosperità ta’ pajjiż li qiegħed jimraħ u javvanza, imma tattiċi li jroxxu l-bżar fl-għajnejn. Abela qiegħed ikompli jikkontribwixxi sabiex pajjiżna jibqa’ staġnat, sabiex in-nies tibqa’ tiddependi mill-karitajiet taċ-ċekkijiet (jew iċ-ċejċa taċ-ċekkijiet), sabiex in-nies tibqa’ tallaba tal-Gvern. Grech għall-kuntrarju, irid pajjiż li fih il-bniedem jeċċella, jikber, javvanza, jimraħ għaliex ikollu Gvern li jixprunalu l-opportunitajiet.
X’differenza! Għalhekk, jiena nagħżel lil Bernard.