Sintomi tat-Tmeninijiet!

Ġimgħa ilu, ktibt hekk: “Sal-lum, ġimgħat wara l-ħatra tagħha, għadna ma nafux eżattament x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministru Caruana għaliex dawn l-ewwel ġimgħat tagħha fil-kariga kienu kkaratterizzati minn skiet u nuqqas ta’ direzzjoni u kommunikazzjoni”. U llum, wara l-avvenimenti kollha li seħħew fi tmiem il-ġimgħa li għadda, mhux talli l-Ministru Justyne Caruana ma għandhiex direzzjoni talli nafu li ma għandhiex idea tal-Ministeru li ġie afdat lilha. 

F’rapport maħruġ fl-4 ta’ Diċembru tal-2020 mill-European Centre for Disease Prevention and Control (ECDC), kien irrakkomandat li l-iskejjel jiftħu aktar tard mid-dati stabbiliti skont il-kalendarji skolastiċi biex jilqgħu għall-eventwalità li jiżdiedu l-każijiet wara l-perjodu tal-festi. Nikkwota: “In order to decrease the risk of transmission during and after gatherings  and the events of the end-of-year festive season, an anticipation and an extension of the school holidays, or a time of distance learning for students could be considered.” Minkejja din ir-rakkomandazzjoni, il-Gvern Malti ma kellu ebda interess jilqa’ t-talba tal-Unions tal-Għalliema sabiex l-iskejjel Statali joperaw b’modi online għall-ewwel jumejn bħalma kienu stabbilixxew skejjel oħra tal-Knisja u Indipendenti. 

Is-sejħa tal-Unions għal din il-possibbiltà ta’ tagħlim, ma kinitx biss ibbażata fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet, imma wkoll fuq il-parir li l-Ministeru tal-Edukazzjoni (MFED) ingħata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, u li fl-ebda mument, meta mistoqsija Charmaine Gauci, ma ċaħdet kategorikament li dan il-parir ma ngħatax. Illum nafu, bit-tneħħija ta’ Kenneth Grech minn Head of COVID-19 Response Team li r-rakkomandazzjonijiet sabiex l-iskejjel Statali jiftħu wkoll b’kawtela ma kinitx ġejja mill-Unions imma minn awtorità kompetenti u professjonali. Għal Abela u għal Caruana, dan ma jfisser xejn! Grech, intant kellu jħallas il-prezz qares talli tkellem favur is-saħħa ta’ eluf ta’ studenti – għax hekk hu dal-Gvern, iqaċċat min-nofs lil min ma jaqbilx miegħu! Aktar minn hekk, l-assigurazzjoni tal-Professur Gauci li l-iskejjel jiggarantixxu anqas tixrid tal-virus, tmur kontra l-impressjoni li tat hi stess (flimkien ma’ esperti oħra) f’journal mediku tal-US National Library of Medicine (Nature Public Health Emergency Collection) f’Settembru tal-2020. Jidhirli għalhekk, li d-deċiżjonijiet aħħarin ittieħdu mill-Prim Ministru u l-Ministru Caruana u mhux xort’oħra minkejja ż-żieda rampanti tal-każijiet bħal-lum ġimgħa. 

Minn dan il-perjodu ta’ intensità żejda fil-qasam edukattiv, nifhem li:

1. Il-Gvern mhux vera għandu sistema virtwali addattata sabiex fl-eventwalità li l-pandemija tippersisti (bħalma huwa l-każ), l-għalliema tal-iskejjel tal-Istat jgħallmu permezz tagħha, jew inkella mhux konvint biżżejjed li din hija sistema li tista’ titħaddem (minkejja li ninsab konvint li tista’ titħaddem), u allura wara kważi sena minn mindu feġġet il-pandemija, il-Gvern għadu maqtugħ mir-realtajiet virtwali li qed narawhom jitħaddmu b’effiċjenza fl-iskejjel tal-Knisja u tal-Indipendenti.

2. Il-Gvern mhux vera jemmen fit-tagħlim virtwali għaliex bl-ammissjoni tiegħu stess (li l-għalliema ma jitħallsux jekk jgħallmu online f’dawn il-jumejn), qiegħed jikkonferma li l-interess ewlieni tiegħu mhuwiex it-tagħlim tat-tfal u jippreferi jara t-tfal jitilfu jumejn skola milli jagħtihomlhom online biex jisfida lill-Unions u lill-għalliema. 

3. Il-Gvern mhux vera jemmen fil-kunċett tal-‘Bubbles’ fil-klassijiet tant li laqa’ lit-tfal fi skejjel li ma għandhomx l-edukaturi u l-amministrazzjonijiet li jistgħu joperaw sabiex tinżamm l-ordni li tant hi vitali fit-tmexxija tal-iskola.

4. Il-Gvern mhux vera jemmen fil-kunċett tat-telework għax mhux lest li jsib kompromess mal-Unions u l-Employers, imma l-interess waħdieni tiegħu huwa li jisfida, jintimda u jsikket lill-Unions billi b’irresponsabbiltà kbira qal li l-istrike ma kienx leġittimu biex jinstiga reazzjonijiet ta’ mibegħda fil-konfront tal-għalliema fuq il-media soċjali.

La darba fi stqarrija konġunta mill-Gvern, il-MUT, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti wara li ntlaħaq qbil bejn il-partijiet kollha tistabbilixxi aktar miżuri effettivi fl-iskejjel fosthom proċedura ta’ contact tracing aktar imsaħħa, nifhem li llum qed nirrealizzaw li l-contact tracing fl-iskejjel li kien ġeneralment bejn sebat u għaxart ijiem b’lura ma jgħinx fil-mitigazzjoni tal-virus. Hija ħasra li stennejna tliet xhur u morna għal azzjonijiet industrijali qabel ma rrealizzajna li kellna sistema ta’ tracing li ma kienet effettiva xejn u li l-Unions għandhom dritt ikollhom aktar informazzjoni dwar ir-rati ta’ trażmissjonijiet fl-iskejjel biex ikunu jistgħu jieħdu pożizzjoni. 

Huwa fl-obbligu tal-Gvern li jimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet mediċi u professjonali. Madankollu għandna Gvern rasu iebsa biżżejjed biex jemmen li qiegħed jikkontrolla dak li mhux qed ikun ikkontrollat. Dan li rajna matul dawn l-aħħar jiem huma biss sintomi tat-tmeninijiet!