Nagħtu l-Edukazzjoni lil Uliedna
-
in Edukazzjoni

Ninsabu ngħixu f’soċjetà li fiha qed jiddomina dak kollu li huwa superfiċjali. Anke l-problemi tagħna donnhom superfiċjali u dawn qed jieħdu l-attenzjoni kollha meta ma għandhomx ikunu biss ikkunsidrati. Inħoss li pajjiżna huwa kontinwament maqbud f’diskussjonijiet, battibekki u argumenti politiċi li possibbilment mhuma se jwasslu mkien – qed inġebbdu u nfettqu fuq kollox u kollox huwa politiċizzat. Għedt kemm-il darba li pajjiżna jiddependi mhux mill-politika, imma mill-partiġġjaniżmu, u hawn huwa fejn irridu nagħmlu distinzjoni sostanzjali bejn waħda u oħra: iva kollox jiddependi fuq il-politika imma mhux kollox għandu jkun marbut ma’ partit jew ieħor.
Hemm politika li hija bil-wisq aktar importanti.
Din l-attitudni, li issa ntisġet mal-mentalità u saret parti mill-kultura nazzjonali, li kollox huwa tajjeb jew ħażin skont il-partit li jwettqu, hija sintomu li jikkonferma kemm għadna lura fl-edukazzjoni ta’ poplu. Hija ħasra, li għaddew ’il fuq minn 100 sena minn meta politiċi Maltin bħal Dandria u Ellul Mercer bdew jifhmu l-importanza li l-edukazzjoni teħtieġ aktar attenzjoni, importanza u emanċipazzjoni fehma li eventwalment wasslet għal diversi riformi b’għan wieħed – li l-Maltin ikunu edukati. Minkejja kollox, iżda, pajjiżna jibqa’ ma jistax javvanza ’l quddiem meta jkun ikkomparat mal-pajjiżi tal-Ewropa fl-istatistika tal-Early School Leavers – dawk li jitilqu mill-iskola wara l-11-il sena mingħajr ma jkomplu jistudjaw jew jitħarrġu.
Il-ġimgħa li għaddiet, statistika tal-Eurostat ikkonkludiet li Malta għandha l-akbar ammont ta’ Early School Leavers (ESL) minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għall-2020, b’16.7% taż-żgħażagħ Maltin (ta’ bejn it-18 u l-24 sena) li ma jkomplux jistudjaw jew jitħarrġu wara s-snin obbligatorji fl-iskejjel tagħna. Wara Malta, statistika importanti li nikkunsidraw hija dik ta’ Spanja, li b’16% jidhru li jinsabu fl-istess sitwazzjoni mal-ewwel daqqa t’għajn. Il-Pajjiżi Ewropej, sal-2020, kellhom inaqqsu dan il-persentaġġ għal 10%, liema persentaġġ huwa mistenni jonqos għal 9% sal-2030.
Għalkemm pajjiżna ħadem fuq diversi inizjattivi sabiex jilħaq dan it-tragward, u matul is-snin kien hemm numri sodisfaċenti li juru x-xogħol li qed isir tant li l-persentaġġi naqsu minn 23.8% fl-2010 għal 16.7% fl-2020, Malta mhix l-aktar pajjiż li rnexxielha tegħleb din il-problema għaliex Spanja rat titjib aħjar minn tal-Maltin fl-2019. Mela mhux talli ninsabu l-aħħar, imma talli ninsabu minn tal-aħħar biex nipprogressaw.
Qiegħed nippreżenta hawn dawn in-numri preokkuppanti sabiex noħloq aktar għarfien dwar problema serja ħafna u li quddiem il-maġġoranza tal-poplu, qas biss hija kkunsidrata bħala problema. U din hija l-problema fil-problema: għandna problema li ma nafux biha u minn sena għal oħra nibqgħu nissospendu l-azzjonijiet li rridu nieħdu.
Fl-opinjoni umli tiegħi, minkejja r-rakkomandazzjonijiet tal-esperti u l-bidliet li wettaqna biex nilħqu l-miri tagħna, il-problema ewlenija hija waħda: l-esperjenza skolastika (u din mhux akkademika biss) fil-pajjiż mhix tattira lill-istudenti tagħna li mhumiex naturalment inklinati għall-iskola sabiex ikomplu jitgħallmu u jitħarrġu irrispettivament minn kemm-il dokument ta’ politika nidejna matul iż-żmien.
Ir-rapport finali tat-‘Thematic Working Group on Early School Leaving - November 2013’, fost diversi rakkomandazzjonijiet, kien jisħaq fuq l-importanza li jrid ikun assigurat li ż-żgħażagħ ikunu fiċ-ċentru tal-politika kollha immirati biex jonqsu l-ESL waqt li l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom ikunu mogħtija biżżejjed importanza meta jkunu qed jiġu ddisinjati u żviluppati u implimentati miżuri li jilqgħu kontra l-ESL. Dan huwa l-qofol kollu, li jinġabar fl-argument tant sempliċi imma tant importanti ta’ Ignacio Estrada: “If a child can’t learn the way we teach, maybe we should teach the way they learn”.
adankollu nistaqsi jekk aħniex preparati, motivati u lesti biex ninqalgħu miż-żona komfortabbli li ninsabu fiha u nibdew nagħtu l-prijorità kollha lit-tfal tagħna biex l-esperjenza skolastika tkun esperjenza li tħalli impatt u tinkoraġġixxihom għall-quddiem.