Il-Każ ta' Peter Gatt

Matul dawn l-aħħar tliet snin ktibt diversi drabi dwar kif it-tmexxija fl-MCAST għandha ħafna nuqqasijiet, u għamilt referenzi diversi għal kif huma trattati l-letturi minħabba ċerti influwenzi negattivi fl-amministrazzjoni. Mingħajr ma noqgħod nomgħodha, il-każ ta’ Peter Gatt li qajjem għadd ta’ mistoqsijiet fil-medja, ma kien ta’ ebda sorpriża għalija. Illum, dan jikkonferma li dak li ktibt f’artiklu bit-titlu ‘Photoshopped Image of MCAST’ (ToM – 02/04/19) u f’artiklu ieħor intitolat ‘Institutionalised Lawlessness’ (ToM – 17/02/20) fost oħrajn, kienu korretti u fattwali minkejja kull dritt ta’ risposta mill-MCAST.

Hawnhekk se nagħti ftit fatti relatati ma’ dan il-każ innifsu. Il-Ġimgħa li għaddiet il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili – preseduta mill-Imħallef Dr Francesco Depasquale – laqgħet it-talba ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni mressaq minn Dr Peter Gatt kontra l-Prim Ministru u l-Prinċipal tal-MCAST, il-Profs Joachim Calleja, mandant li tressaq minn Peter Gatt biex jitwaqqaf transfer (allegatament vendikattiv) li t-tmexxija tal-MCAST riedu jagħtu lill-Ġeologu ta’ rikonoxximent nazzjonali.  Gatt ilu jgħallem sa mil-2014 fid-Dipartiment tal-Bini u l-Kostruzzjoni fi ħdan l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport tal-MCAST u minkejja li huwa Senior Lecturer responsabbli, awtur ta’ diversi pubblikazzjonijiet xjentifiċi u l-uniku lettur bid-Dottorat fid-Dipartiment, il-Kap tar-Riżorsi Umani fl-MCAST, Philip Vella għarrfu permezz ta’ email li l-impjieg tiegħu qed ikun itterminat mill-għada.

L-Imħallef Depasquale jinnota fis-sentenza tiegħu li l-MCAST iddeskriva lil Dr Gatt bħala persuna ‘kompetenti u ta’ kalibru’. Għaldaqstant, l-MCAST riedet xorta waħda tittrasferixxih lura fil-livell sekondarju. Il-Qorti, ġustament u ġustifikament waqqfet il-proċess tat-tali trasferiment b’mod immedjat. L-MCAST, minkejja dan il-verdett, minflok ma għamlet apoloġija mistħoqqa lil Gatt, kompliet bil-‘gwerra’ tagħha wara li ħarġet is-sentenza tal-Qorti billi bagħtet stqarrija pubblika f’diversi gazzetti fejn Gatt ġie meqjus bħala persuna ‘mingħajr etika’, ‘mhux professjonali’ u ‘negliġenti’. Dan jikkontradixxi l-istess ġudizzju tal-istess MCAST meta kienet infurmat lill-Qorti li huwa ‘kompetenti u ta’ kalibru’.

Skont dak li qed jgħid pubblikament Dr Gatt, il-problema bdiet fil-bidu tal-2020 meta ngħata unit ġdid b’sillabu ġdid, ġimgħa biss qabel ma beda t-tieni semestru. Jidher li s-sillabu kien nieqes mil-livell mistenni u kellu fih ommissjonijiet serji, fosthom li jirreferi għan-normattivi Amerikani minflok għal dawk Ewropej kif titlob il-liġi ta’ pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. Gatt insista mad-Direttur tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport biex jagħmel reviżjoni tas-sillabu hu stess senza interessi finanzjarji b’sens ta’ responsabbiltà lejn l-istudenti. Iżda kemm id-Direttur u kemm id-Deputat Prinċipal għax-Xjenza u t-Teknoloġija – minkejja li dan m’għandu ebda kwalifika fix-xjenza u l-Inġinerija – ma laqgħux din it-talba għax avżawh li hemm proċeduri ta’ verifika li kull sillabu jrid jgħaddi minnhom. Sadanittant, is-sillabu inkwistjoni rnexxielu jgħaddi mill-verifiċi tagħhom anke jekk kien ta’ kwalità fqira. Minn tali sillabi ma jiggwadanja ħadd.

Intant, il-Prinċipal beda jagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex Gatt jitneħħa mill-MCAST, dan peressli huwa impjegat tal-Gvern. Saħansitra l-MCAST waqqfet lil Gatt milli jagħti lectures jew milli jagħmel kuntatt mal-istudenti. F’ċirkustanzi tant diffiċli, Gatt ressaq ilment lill-Uffiċċju tal-Ombudsman li ħareġ l-opinjoni finali tiegħu f’Mejju li għadda fejn iddeskriva t-trattament ta’ Gatt mill-MCAST bħala ‘oppressiv’ u ‘degradanti’.

Nifhem, li ma għandha qatt tkun aċċettata sitwazzjoni fejn lettur kellu jiġġiegħel jgħallem sillabu żbaljat u fqir fil-livell. Din ċertament toħnoq il-libertà akkademika u fuq kollox il-professjoni tal-edukazzjoni. L-atteġġjament tal-Prinċipal li ressaq lil Gatt quddiem Bord tad-Dixxiplina mwaqqaf mill-Ministeru tal-Edukazzjoni li jimpjega lill-istess Gatt u li fiha talab għat-tkeċċija tiegħu mill-impjieg hija inaċċettabbli u li għaliha, l-istess Prinċipal irid jerfa’ r-responsabbiltà anke fid-dawl tal-verdett tal-Qorti. Għandi nifhem hawnhekk li l-bord li kien imwaqqaf minn min iħaddem lil Gatt, b’membri magħżula mill-Ministeru stess qatt ma seta’ jkun bord indipendenti biex jasal għal konklużjonijiet ġusti u seta’ faċli kien immanipulat.  Hekk seħħ fir-rapport li għamel dan il-bord, liema rapport intbagħat lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku jitlob biex Gatt ikun itterminat. Madankollu, il-kummissjoni ma tat ebda rakkomandazzjoni għat-tneħħija ta’ Gatt kif talab il-Prinċipal tal-MCAST u rrifjutat it-talba tal-bord tal-Ministeru.

Dan ifisser biss li tliet entitajiet indipendenti u rispettati, jiġifieri l-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti Ċivili ma laqgħux dak li ried il-Prinċipal tal-MCAST.

Din l-imġiba li għandha tkun mistħarrġa mill-Awtoritajiet, iżda l-Ministru tal-Edukazzjoni baqgħet għaddejja qisu xejn mhu xejn, biex tkompli fil-passi ta’ Evarist Bartolo u Owen Bonnici li baqgħu qatt ma waqfu quddiem l-inġustizzji kollha li qed iseħħu fl-MCAST. Dan ma kienx l-ewwel każ – fil-fatt ġejt infurmat li Marika Esther esperjenzat trattament simili wkoll qabel Peter Gatt – u jekk mhu se jsir xejn, mhux se jkun tal-aħħar. Onorevoli Ministru tal-Edukazzjoni, issa f’idejk.