Iċ-Childcares

Il-ġimgħa li għaddiet kien imħabbar li permezz ta’ proġett pilota li se jitnieda minn Ottubru li ġej, sitt ċentri ta’ Childcare se jibdew joperaw nhar ta’ Sibt ukoll. Apparti minn hekk, se jkunu wkoll estiżi l-ħinijiet ta’ meta jiftħu u jagħlqu dawn iċ-ċentri b’siegħa u nofs, jiġifieri mis-sitta ta’ filgħodu sas-sitta ta’ filgħaxija minflok mis-sebgħa u nofs sal-erbgħa u nofs rispettivament. Fi kliem il-Ministru tal-Edukazzjoni dan ifisser li ċ-ċentri ta’ Childcare jistgħu jagħtu aktar opportunitajiet lill-ġenituri.

Inħoss li hawnhekk, il-fokus dejjem għandhom ikunu t-tfal aktar mill-ġenituri. Kultant inqis li anke t-terminu stess ta’ “Childcare” mhux f’loku għaliex jirreferi biss għall-aspett ta’ “baby-sitting” aktar minn kollox. Fil-fatt, naqbel ħafna mal-istqarrija tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni Bikrija u Primarja tal-Università ta’ Malta li titkellem dwar l-importanza li ċ-Childcares jgħollu qabel kollox il-livell ta’ servizz li jingħata sabiex ikunu esperjenza ta’ tagħlim aktar minn kollox. Madankollu, biex dan ikun assigurat irridu nirriformaw il-mod ta’ kif joperaw, għalhekk, il-ħinijiet itwal huma biss konvenjenza għall-ġenituri. Fil-fatt, huwa imperattiv – u dan huwa ħsieb li esprimejtu aktar minn darba – li dawn iċ-ċentri jkunu kompletament iffukati fuq is-servizz edukattiv li jingħata skont l-etajiet fi gruppi adegwati taħt is-superviżjoni ta’ Carers speċifikament imħarrġa għal għanijiet edukattivi.

La darba l-istudji jikkonfermaw li l-edukazzjoni bikrija hija essenzjali fl-iżvilupp olistiku tat-tfal, huwa fir-responsabbiltà tal-Gvern li dawn iċ-Ċentri jservu bħala bażi edukattiva sa minn kmieni.

Anke b’ħarsa ħafifa fuq l-internet, nistgħu nistabbilixxu minn tal-anqas ħames benefiċċji ewlenin li joħorġu minn dawn ix-xorta ta’ ċentri jekk ikunu mħejjija biex jagħtu servizz edukattiv. Dawn huma:

Skeda Regolari – Għalkemm it-tfal fl-etajiet bikrin ma għandhomx għarfien biżżejjed ta’ ħin, huma kapaċi jitgħallmu skeda u rutina li tkun regolari. Għalhekk, dan huwa ta’ benefiċċji għat-tfal għaliex permezz ta’ attivitajiet diversi matul il-ġurnata jitgħallmu jimxu ma’ rutina li fiha jilagħbu, jieklu, jistrieħu u jissoċjalizzaw. Hekk, it-tfal jikbru jagħrfu li hemm ħinijiet speċifiċi għal kollox.

L-Avvanz Akkademiku – Diversi studji xjentifiċi (li wkoll jirreferi għalihom id-Dipartiment tal-Edukazzjoni Bikrija u Primarja tal-Università ta’ Malta) juru li t-tfal li jattendu f’tali Ċentri ġeneralment ikollhom prestazzjonijiet konjittivi tajbin meta jikbru għaliex l-esperjenza f’qafas edukattiv li jingħata l-attenzjoni minn età bikrija jgħin fl-iżviluppi konjittivi tat-tfal ’il quddiem.

Aktar Kunfidenza – Huwa mifhum ukoll li t-tfal li jattendu ċ-Childcare jitgħallmu jkunu aktar kunfidenti u konformi ma’ ambjent soċjali minħabba li jikbru jitħalltu u jikkomunikaw ma’ tfal oħrajn taħt superviżjoni biex isaħħu l-ħiliet interpersonali u komunikattivi li eventwalment jistimolaw ukoll il-kunfidenza personali.

Il-Kommunikazzjoni – Iċ-Childcare huwa opportunità kontinwa li fiha t-tfal jitħalltu (ħafna drabi anke ma’ oħrajn ta’ etajiet differenti) u allura jifhmu kif jikkomunikaw ma’ xulxin. B’kommunikazzjoni ma nifhmux biss diskors, imma anke kommunikazzjoni interattiva li mhux neċessarjament hija bbażata fuq id-diskors. Dawn is-sitwazzjonijiet huma opportunitajiet għat-tfal sabiex isaħħu l-kommunikazzjoni  u s-soċjalizzazzjoni tagħhom b’kull mod l-aktar meta kkomparat ma’ sitwazzjonijiet fejn it-tfal jitrabbew f’familji fejn ma għandhomx aħwa.  

L-Indipendenza – Huwa fatt magħruf li t-tfal li jattendu ċ-Childcare minn kmieni jitgħallmu jkunu aktar indipendenti minn dawk li jibqgħu għal ħafna snin dipendenti fuq in-nanniet jew il-ġenituri għaliex f’diversi sitwazzjonijiet se jfendu għal rashom. Dan jaffettwa wkoll il-ħiliet organizzattivi tagħhom b’mod pożittiv. Għall-kuntrarju tad-dar, it-tfal huma mistennija jieħdu ħsieb aktar ta’ ħwejjiġhom u tagħhom infushom.

Għaldaqstant, nifhmu l-importanza taċ-Childcares u kemm dawn għandhom ikunu mogħtija aktar attenzjoni u riżorsi sabiex iservu bħala tarġa fl-iżvilupp edukattiv. Madankollu rridu nassiguraw li jkun hemm bilanċ realistiku bejn il-ħin li t-tfal iqattgħu fiċ-Childcare u d-dar mal-ġenituri jew in-nanniet. Ma għandniex inħarsu lejn iċ-Childcare bħala s-soluzzjoni sabiex aktar nisa joħorġu jaħdmu, imma rridu nħarsu lejh bħala opportunità għat-tfal.