Direzzjoni
-
in Edukazzjoni
Is-sitwazzjoni bla preċedent li ġab fuq pajjiżna l-Gvern bin-nuqqas ta’ direzzjoni speċifika fil-kontroll tal-imxija tal-COVID-19, hija inaċċettabbli għaliex pajjiżna ma messu qatt jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal sena ilu mill-ġdid. Aktar minn hekk, jidher li b’mod jew ieħor, il-pandemija se tkun qed tolqot direttament it-tielet sena skolastika infila u li għaliha huwa mistenni pjan għaqli msejjes fuq l-esperjenza li għaddejna minnha matul din l-aħħar sena skolastika biex nassiguraw li l-edukazzjoni ta’ wliedna tibqa’ tingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa.
Għalhekk, li l-Ministru Justyne Caruana tafferma li għadu kmieni wisq biex jibdew isiru l-preparamenti imma fl-istess waqt tgħid li kollox huwa ppjanat, huwa inkwetanti daqskemm huma inkwetanti n-numri tal-COVID-19. Jekk għall-Ministru jgħaddi kollox, għall-edukazzjoni ta’ wliedna ma jgħaddix kollox.
Le, ma nistax naċċetta li ma nkunx mgħarraf x’sistema se tkun addottata fl-iskola fejn tattendi t-tifla għas-sempliċi raġuni li erġajna qed nittamaw li l-affarijiet ikunu lura għan-normal meta fir-realtà lkoll nafu li biex niksbu n-normalità fl-iskejjel tagħna rridu nħejju pjan realistiku.
Le, ma nistax naċċetta li nċaħħdu lil uliedna għal sena oħra milli jintegraw ruħhom mal-bqija ta’ sħabhom, milli jilagħbu fil-btieħi u fl-ispazji miftuħa, milli jitħalltu minn klassi għal oħra, milli jesperjenzaw l-edukazzjoni barra mill-iskola minħabba l-inkompetenza tal-Gvern li għażel li jerġa’ jniżżel lil pajjiżna għarkopptejh biex jissodisfa l-ekonomija mingħajr ma kellu viżjoni.
Le, ma nistax naċċetta li l-edukaturi tagħna ma nafux x’se jsibu quddiemhom meta jidħlu lura fil-klassijiet fi ftit ġimgħat oħra għaliex jinżammu bħal dejjem fil-għama, u ma nistax naċċetta ebda sitwazzjoni bħal ta’ sena ilu fejn il-Ministru tal-Edukazzjoni ma kellha ebda għażla oħra ħlief li tipposponi l-ftuħ tal-iskejjel b’ġimagħtejn għax il-pjan ta’ azzjoni ma kienx għadu varat.
Le, ma nistax naċċetta li għal darb’oħra nissospendu s-servizzi ta’ terapija u għajnuniet oħra li tant huma meħtieġa għal tfal b’diffikultajiet fit-tagħlim u oħrajn intellettwali biex taparsi qed nipproteġuhom mill-virus. Lil dawn it-tfal, anke jekk qed “nipproteġuhom” mill-virus, qed inċaħħdulhom kull opportunità ta’ tagħlim f’perjodu daqstant importanti fl-iżvilupp tagħhom.
Le, ma nistax naċċetta li għal darb’oħra nara ż-żgħażagħ tagħna jiggradwaw mill-Università u nħalluhom bla ċelebrazzjoni għas-suċċess tagħhom minkejja kull sforz u sagrifiċċju li għaddew minnu biex jaslu t-triq kollha meta fl-istess waqt naraw spiss u kontinwament gruppi ta’ mijiet – jekk mhux eluf – fi gzuz flimkien u donnu bil-barka tal-awtoritajiet.
Le, ma nistax naċċetta li nara t-taħriġ tal-isport lokali għat-tfal tagħna wieqaf meta fl-istess waqt qed nipprovaw – suppost – niġġieldu r-rata għolja ta’ obeżità li tara lit-tfal Maltin ta’ 11, 13 u 14-il sena bħala l-aktar tfal Ewropej li għandhom problema ta’ ħxuna u meta f’Malta, wieħed minn kull ħames żgħażagħ f’Malta bejn l-età tat-18 u l-24 sena jinsabu f’riskju li jaqgħu f’dipressjoni.
Għalhekk, mhuwiex biss importanti li nassiguraw li l-pandemija tkun ikkontrollata f’pajjiżna għall-ġid komuni, imma għaliex l-edukazzjoni b’mod olistiku tat-tfal tagħna ma tistax tistenna aktar minħabba deċiżjonijiet traskurati ta’ min imexxi.
Dan huwa mument kruċjali fejn mill-paroli ngħaddu għall-fatti. Nistenna li llum qabel għada jitwaqqaf Working-Group li fih jilqa’ l-istakeholders ewlenin kollha biex flimkien jitħejja pjan ta’ azzjoni realistiku u għaqli sabiex l-iskejjel jiftħu mingħajr wisq restrizzjonijiet u kundizzjonijiet sabiex l-edukazzjoni ta’ wliedna tinżamm bħala prijorità kif jixirqilha.
Nistaqsi, x’diskussjonijiet għaddejjin bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni dawk kollha involuti fil-qasam edukattiv? Tista’ l-Ministru tgħidilna x’qed ikun ippreparat għal kull eventwalità?