Fejn Intom?

Ilkoll familjari mal-frażi “kul ħa tikber” meta naraw lil xi ħadd jiekol bl-abbundanza, imma qajla nieqfu naħsbu fuq il-kwalità tal-ikel fl-abbundanza. Għandna tendenza, f’dan il-pajjiż b’mod ġenerali, li niffukaw biss fuq il-kwantità u mhux il-kwalità, bħallikieku l-kwantitajiet jiddefenixxuna.

Le. Mhux se nitkellem dwar l-ikel imma se nitkellem dwar il-kwalità li mhux nagħtu kasha għax interessati fil-kwantità (redikola) fl-edukazzjoni, u nirreferi għall-eżamijiet tar-raba’ u l-ħames sena tal-primarja. Din il-kitba tiegħi llum mhix opinjoni bbażata fuq x’naħseb jien (dak li naħseb jien f’dar-rigward huwa rrelevanti) imma hija kitba ta’ missier, ta’ edukatur, ta’ politiku (f’din l-ordni) bil-għan li tasal għand il-Kummissarju tat-Tfal u l-Ministru tal-Edukazzjoni għaliex xi ħadd, xi darba, irid jitkellem f’isem dawk li għandhom vuċi imma li mhux nagħtuhom widen.

Nislet mill-missjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal: “The work carried out by the Office focuses on: the protection of children, the promotion of children’s rights, ensuring the provision of necessary services for children, and the participation of children” u nassigura li nenfasizza l-frażi “l-protezzjoni tat-tfal” li hawnhekk mhix tkun assigurata.

Kull min huwa involut fl-edukazzjoni (bħali) jaf li l-edukatur jassessja l-kwalità u mhux il-kwantità. Tifel jew tifla, turik li taf jew ma tafx tikteb fi ftit sentenzi, għaldaqstant ma għandix għalfejn nisforza minnu jew minnha ħamsin sentenza biex finalment ikolli l-istess dijanjosi. Jekk lili titfagħni f’dance floor, tinduna li ma nafx niżfen mal-ewwel moviment, u għalhekk ma hemmx għalfejn tarani nixxengel għal serata sħiħa biex tagħraf li jien żeffien m’iniex u fl-istess waqt tumiljani u tkissirni psikoloġikament.

Mela, bl-istess raġunament, għadni ma nistax nifhem kif it-tfal ta’ 9 u 10 snin għandhom ikunu mgħobbijin u mtaqqlin b’eżamijiet li fihom ammonti u ammonti ta’ xogħol li fil-maġġoranza ma jistgħux ilestu b’kunfidenza minħabba l-limitazzjonijiet tal-etajiet tagħhom. La darba nagħrfu neżaminaw tifel jew tifla minn ftit sentenzi, għaliex qed nistressjawhom b’eżamijiet li ma jintemmu qatt f’pajjiż fejn ftaħarna tant li qed innaqqsu l-importanza tal-eżamijiet imma li sal-lum kollox għadu definit bl-eżamijiet?

Ejja naraw dan l-argument f’perspettiva. (Ħu nifs qawwi u emmen!) F’75 minuta (ftit aktar minn siegħa!) l-istudenti (ta’ 9 u 10 snin) mistennija jlestu: Żewġ siltiet ta’ Taħriġ il-Fehem (qas fil-livell ordinarju ma jagħmlu tnejn) bil-mistoqsijiet u l-grammatika li jammontaw għal 6 (iva 6!) paġni; kitba qasira u kitba twila ta’ madwar 100 kelma. It-tul tal-karta, f’idejn tfal ta’ 9 snin li ser jagħmlu eżami għall-ewwel darba hija ta’ 10 karti. Dan japplika kemm għall-Malti u kemm għall-Ingliż (li ġieli tkun itwal ukoll).

Interessanti ħafna li meta nikkomparaw dawn il-karti mal-karti tal-Benchmark, nindunaw li t-tfal tas-sitt sena huma mistennija jiktbu anqas u f’aktar ħin minn dawk tar-raba’ u l-ħames sena. Mela, fil-Benchmark hemm 50 minuta għat-Taħriġ il-Fehem u 60 minuta għall-kitba, imma fil-klassijiet iż-żgħar hemm biss 75 minuta!

Ma nafx min jista’ jispjega dan ir-raġunament.

Għaliex qed nagħmlu minn kollox biex inkomplu noħolqu aktar stress fit-tfal tagħna?

Għaliex qed nistennew li nkissru psikoloġikament lit-tfal tagħna speċjalment f’sena fejn kellhom ħafna diffikultajiet minħabba l-pandemija (u magħhom lill-ġenituri)?

X’qed nipprovaw nieħdu minn dawn il-karti esaġerati?

Għaliex irridu l-kwantità biex fl-istess waqt nistennew il-medjokrità fil-kwalità?

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, omm ukoll, ma titkellimx?

Il-Kummissarju tat-Tfal, edukatriċi wkoll, ma titkellimx?

Għandkom l-obbligu li tipproteġu lil dawn it-tfal – erfgħu r-responsabbiltà tagħkom illum!

Actions speak louder than words – Speak UP!