Mhux Nifhmu s-Sinjali

Il-klassijiet ma jeħtiġux għalliema perfetti, imma jeħtieġu għalliema kuntenti. Din hija l-aktar affermazzjoni importanti fid-dinja tal-klassi, affermazzjoni li mhux nifhmu, mhux nagħtu kas u mhux nindirizzaw. Sfortunatament għadna mhux nirrealizzaw li jekk qatt irridu naraw titjib akkademiku fil-klassijiet tagħna, aktar ħeġġa, aktar entużjażmu u aktar interess, ma hemmx għalfejn inbiddlu s-sistema li biha ngħallmu, ma għandniex għalfejn ingerfxu fis-sillabi, ma għandniex għalfejn inqallbu l-iskejjel ta’ taħt fuq... imma għandna bżonn nifhmu li ma jistax ikun nibqgħu ninnegaw li għandna problema fl-għalliema u l-edukaturi tagħna!

Din hija l-qofol ta’ kollox – l-edukaturi Maltin ma jħossuhomx sodisfatti minħabba diversi raġunijiet, u sal-lum, kemm ilni nsegwi mill-qrib l-edukazzjoni (bħala politiku u mhux bħala għalliem) qatt ħadd ma pprova jifhem il-kifijiet u l-għalixijiet. Nistaqsi, x’għamlu l-aħħar tliet Ministri Evarist Bartolo, Owen Bonnici u Justyne Caruana biex jissodisfaw il-ħteġijiet tal-edukaturi? Dan illum huwa evidenti mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-Eurodice Network, ‘Teachers in Europe: Careers, Development and Wellbeing – 2018’.

Interessanti ħafna kif l-għalliema Maltin fl-iskejjel sekondarji huma fost l-iżgħar fl-età fl-Ewropa (indikazzjoni li l-edukaturi tagħna mhumiex jagħmlu ‘karriera’ fil-klassi għaliex ma jwasslux biżżejjed) imma huma fost l-aktar stressjati u l-anqas sodisfatti. Ir-rapport jindika kif 46.3% tal-edukaturi Maltin fl-iskejjel sekondarji għandhom inqas minn 35 sena, l-ogħla persentaġġ minn fost id-39 pajjiż li kienu assessjati. Dan jidher li huwa kkawżat mill-bidliet spissi u kontinwi li jesiġu l-awtoritajiet – u li ħafna minnhom mhumiex qed itejbu l-kwalità tal-klassi Maltija (fl-opinjoni tiegħi) abbażi tal-esperjenza fil-klassi). L-edukaturi ’l fuq minn 55 sena jammontaw biss għal 12.4%, it-tieni l-anqas.

Sfortunatament il-klassi ma għadhiex iġġorr l-esperjenza pożittiva għall-għalliema, b’64% tal-edukaturi f’dan il-livell ta’ tagħlim (is-Sekondarja medja) jaffermaw li jesperjenzaw xi forma ta’ stress imma 29% jesperjenzaw ħafna stress. Madankollu, dan irridu wkoll narawh fil-perspettiva tiegħu, u nqisu li dan huwa inqas bi kważi 10% ta’ dawk li jirrapportaw ħafna stress fir-Renju Unit (38.2%). L-edukaturi Portugiżi u Ungeriżi jirrapportaw il-livell ta’ stress b’34.8% u 31.5% rispettivament.

Il-fattur relatat mas-salarji huwa wkoll aspett li mhux ikun ikkunsidrat biżżejjed ukoll. Għalkemm dan huwa ‘sigriet magħruf’, ir-rapport jitfa’ dawl fuqu b’mod xjentifiku. Aktar minn 82% mhumiex sodisfatti bis-salarji tagħhom, indikazzjoni biżżejjed li l-edukaturi Maltin mhumiex imħallsin biżżejjed għax-xogħol li jagħmlu li jinkludi wkoll fost l-ogħla persentaġġi għall-preparamenti tal-lezzjonijiet.

Huwa evidenti li l-edukazzjoni f’Malta għandha bżonn pjan fit-tul b’viżjoni differenti u mentalità aktar pożittiva. Forsi wasal ukoll iż-żmien li l-qasam Edukattiv mill-aspett politiku jkun immexxi minn min għandu esperjenza fil-klassi u li jista’ jara l-edukazzjoni minn perspettivi differenti.