Progress Minimu, imma xi Progress?
-
in Edukazzjoni
In-numri u l-figuri li jagħtu stampa dettaljata ta’ kull statistika, għalkemm huma importanti fil-kuntest tal-mument, huma importanti aktar meta jkunu kkomparati fuq perjodu ta’ żmien. L-istatistika ppubblikata mill-MATSEC il-ġimgħa li għaddiet tagħtina stampa diżappuntanti mhux biss għaliex in-numri huma pjuttost diżappuntanti, imma għaliex matul is-snin qed naraw, minn sena għal oħra, progress minimu u li quddiemu għandna biss kritika u evalwazzjoni mingħajr wisq proposti u soluzzjonijiet.
Lil hinn minn kull argument politiku, l-istatistika tar-riżultati taċ-ĊES (l-O’Levels) bħala tali tikkonferma li l-problema fl-edukazzjoni tagħna mhijiex fil-kisbiet tal-marki biss. Il-ġurnali lokali matul il-ġimgħa li għaddiet għażlu li jagħtu titwila lejn ir-riżultati miksuba mill-istudenti li resqu għall-eżamijiet taċ-ĊES u kkomparawhom mar-riżultati miksuba fl-2019 (għaliex fl-2020 l-eżamijiet ma sarux minħabba l-pandemija) u dehru ħafna similaritajiet.
Għall-fini ta’ figuri, tajjeb li hawnhekk nispjega x’riżultati nkisbu. Din is-sena, jiġifieri fl-2021, kellna 642 student/a li ma kisbux marka minn 1-7 u allura ngħataw ‘U’ (mhux klassifikat) minn total ta’ 3,706 student/a fil-Malti. Kellna 762 minn 4,162 fil-Matematika u 575 minn 4,086 fl-Ingliż. Dawn, rispettivament, juru li 17.3% ma għaddewx mill-Malti, 18.3% ma għaddewx mill-Matematika u 14.0% ma għaddewx mill-Ingliż. Kien hemm total ta’ 194 student/a li ma marrux għall-eżamijiet. Meta dan nikkomparawh mal-2019, ir-riżultati kienu simili ħafna: 19% fallew fil-Malti, 17% fil-Matematika u 12% fl-Ingliż.
Madankollu, għażilt li mmur lura u nanalizza ftit in-numri tal-2012 u tal-2016 biex nara n-numri fuq medda itwal. Nibda bil-figuri meħuda mill-istatistika tal-2012. Dik is-sena, jiġifieri fl-212, kellna 1293 student/a li ma kisbux marka minn 1-7 u allura ngħataw U (mhux klassifikat) minn total ta’ 4,950 student/a fil-Malti. Kellna 1087 minn 5,359 fil-Matematika u 901 minn 5326 fl-Ingliż. Dawn, rispettivament, juru li 26.0% ma kinux għaddew mill-Malti, 20.0% ma kinux għaddew mill-Matematika u 16.9% ma kinux għaddew mill-Ingliż. Dik is-sena kienu 200 l-istudenti li ma attendewx għall-eżamijiet.
Fl-2016, kellna 904 student/a li ma kisbux marka minn 1-7 u allura ngħataw ‘U’ (mhux klassifikat) minn total ta’ 4,166 student/a fil-Malti. 918 minn 4,597 fil-Matematika u 775 minn 4,611 fl-Ingliż. Dawn, rispettivament, juru li 21.7% ma kinux għaddew mill-Malti, 19.9% ma kinux għaddew mill-Matematika u 16.8% ma kinux għaddew mill-Ingliż.
Dawn in-numri, oġġettivament jikkonfermaw li hemm titjib jew progress minimu mill-2012 għall-2021 fir-riżultati miksuba. Madankollu, dawn in-numri li qiegħed nippreżenta hawnhekk huma biss relatati mal-grad ‘U’, u ma jinkludux ukoll il-gradi 6-7, li għall-fini ta’ gradi huwa pass-marks imma mhumiex rikonoxxuti mill-maġġoranza tal-Istituzzjonijiet Post-Sekondarji. L-argument tiegħi, għalhekk huwa wieħed li permezz tiegħu nipprova nuri li fil-qasam edukattiv hemm sinjali pożittivi. Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li għandna 17.3%, 18.3% u 14.% tal-istudenti li fallew mill-Malti, mill-Matematika u mill-Ingliż rispettivament u numru sostanzjali ta’ studenti li kisbu biss gradi minn 6-7. Jekk aħna l-edukaturi u l-politiċi lesti li nkunu sodisfatti b’dan il-“progress” mill-2012 sal-lum li qiegħed nindika hawnhekk, inkunu qed infallu fil-missjoni tagħna, dik li ngħollu l-livell tal-edukazzjoni b’mod olistiku.
Dan jista’ jsir biss jekk kemm-il darba nibdew ninvestu aktar fil-ħiliet tal-istudenti tagħna u nagħtuhom l-għodda meħtieġa biex jutilizzawhom ħalli l-edukazzjoni tkun verament esperjenza li ma tibqax aktar analizzati biss bl-istatistika li tipprovdilna l-MATSEC imma bil-kapaċità tal-istudenti li jitgħallmu jaħsbu, jevalwaw, janalizzaw u jikkritikaw. Dan għandu jkun lil hinn mill-eżamijiet li sal-lum għadhom jiddefinixxu l-argumenti tagħna mingħajr ma nirrealizzaw li ħafna studenti għandhom ħiliet differenti u li lkoll irridu nirrikonoxxuhom u nutilizzawhom sabiex pajjiżna jegħleb il-medjokrità tal-pagi minħabba influss qawwi ta’ barranin li kapaċi jaħdmu x-xogħol tal-idejn aktar mill-Maltin għax mhux ninvestu biżżejjed f’uliedna li mhumiex kapaċi jiksbu l-“gradi” taċ-ĊES.