Is-Skiet mhux is-Soluzzjoni
-
in Edukazzjoni
Ftit ġimgħat ilu f’dan l-istess spazju pprovdut lili b’mod ġentili minn din il-gazzetta, ktibt dwar in-nuqqas ta’ direzzjoni li għandu l-qasam tal-edukazzjoni, u kif sfortunatament il-Ministru tal-Edukazzjoni mhix sinkronizzata mar-realtajiet u l-ħteġijiet edukattivi li niffaċċjaw quddiemna bħala sfidi. In-nuqqas ta’ direzzjoni huwa wkoll evidenti fin-nuqqas ta’ kommunikazzjoni diretta fuq diversi oqsma.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-MaltaToday irrapportat kif il-Ministru tal-Edukazzjoni hija siekta għalkollox fuq il-każ relatat ma’ Josephine Abdilla li dwarha hemm konklużjoni ta’ inkjesta, u jekk din Abdilla, Uffiċċjal għar-Riżorsi Umani fl-MCAST, hix qed titħallas is-salarju komplet minkejja li tinsab sospiża. Il-gazzetta MaltaToday tirrapporta kif għadd ta’ whistleblowers resqu ’l quddiem u fissru kif kienu sfurzati jagħżlu kandidati silettivi għal diversi pożizzjonijiet ta’ tagħlim vakanti fl-MCAST. Interessanti ħafna wkoll l-allegazzjoni tagħha li Silvio Debono, li serva bħala Chairman tal-bord tad-Diretturi fl-MCAST, kien qiegħed jieħu l-commissions minn fuq staff akkademiku ġdid ingaġġat taħt it-tmexxija tiegħu. Dan biex ma nsemmux li Silvio Debono kien qed iservi wkoll bħala Direttur Maniġerjali ta’ IDEA Leadership and Management Institute waqt li kien qed iservi bħala President għall-MCAST minkejja kull xorta ta’ konflitt ta’ interess.
Interessanti tassew kif il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana, is-Segretarju Permanenti Frank Fabri, il-kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni Etienne St John u l-Prinċipal tal-MCAST James Calleja qed jonqsu milli jwieġbu l-mistoqsijiet li bagħtet l-istess gazzetta dwar il-każ, jiġifieri: għaliex Josephine Abdilla hija sospiża imma għadha qed titħallas is-salarju kollu? Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni ikompli jnaqqas mill-kredibiltà li jista’ jkollha t-tmexxija tal-MCAST li ma timxix bl-istess riga ma’ kulħadd, jekk eżempju nieħdu inkonsiderazzjoni l-każ ta’ Peter Gatt.
Li f’Istituzzjoni Edukattiva daqstant importanti bħall-MCAST ikollna allegazzjonijiet li fihom Uffiċċjal fir-Riżorsi Umani qed tallega li saħansitra kienet imġiegħla tagħżel letturi li mhumiex kwalifikati biżżejjed għaliex hekk kienet l-istruzzjoni mill-Ministeru jew mingħand Silvio Debono, mhuwiex biss inaċċettabbli imma possibbilment imur ukoll kontra l-liġi. Li għandna Ministru tal-Edukazzjoni siekta fuq dan l-allegat abbuż, huwa xokkanti fuq diversi livelli: Il-Ministru allegatament qiegħda tiddefendi l-ksur ta’ liġi u mhix qiegħda tieħu azzjoni kontra min allagetament qiegħed jikser il-liġi jew kontra min ippermetta li tinkiser il-liġi taħt it-tmexxija tiegħu.
***
Proprju bħal-lum erba’ ġimgħat, spjegajt għaliex huwa importanti li nifhmu li s-sena skolastika li jmiss ma għandhiex tkun fotokopja tas-sena li għaddiet minkejja li nifhem, u nemmen, li għandhom jinżammu numru ta’ miżuri stretti biex titnaqqas il-possibbiltà ta’ tixrid tal-virus. Qiegħed ngħid hekk, għaliex din se tkun it-tieni sena konsekuttiva li l-iskejjel se jiftħu mhedda b’pandemija, u nifhem li matul is-sena li għaddiet, tgħallimna ħafna dwar x’miżuri ħadmu u x’miżuri kienu hemmhekk biss għall-fini ta’ protokoll. Nesiġi, bħalma għamilt dejjem, li l-pjan għall-ftuħ tal-iskejjel ikun pubbliku sabiex kulħadd ikollu direzzjoni. Għalhekk, se nerġa’ nirrepeti dak li għalija ma jistax jibqa’ jiġi mwarrab u mogħti l-ġenb:
Ma nistax naċċetta li ma nkunx mgħarraf x’sistemi se jkunu addottati fl-iskejjel għas-sempliċi raġuni li erġajna qed nittamaw li l-affarijiet ikunu lura għan-normal meta fir-realtà lkoll nafu li biex niksbu n-normalità fl-iskejjel tagħna rridu nħejju pjan realistiku msejjes fuq direzzjoni ġdida.
Ma nistax naċċetta li nċaħħdu lil uliedna għal sena oħra milli jintegraw ruħhom mal-bqija ta’ sħabhom, milli jilagħbu fil-btieħi u fl-ispazji miftuħa, milli jitħalltu minn klassi għal oħra, milli jesperjenzaw l-edukazzjoni barra mill-iskola bl-iskuża ta' pandemija li tajnieha l-ġenb matul sajf sħiħ li fih it-tfal tħalltu fuq li tħalltu.
Ma nistax naċċetta li l-edukaturi tagħna ma jafux x’se jsibu quddiemhom meta jidħlu lura fil-klassijiet fi ftit ġimgħat oħra għaliex jinżammu bħal dejjem fil-għama, u ma nista' naċċetta ebda sitwazzjoni bħal ta’ sena ilu fejn il-Ministru tal-Edukazzjoni ma kellha ebda għażla oħra ħlief li tipposponi l-ftuħ tal-iskejjel b’ġimagħtejn għax il-pjan ta’ azzjoni ma kienx għadu varat.
Ma nistax naċċetta li għal darb’oħra nissospendu s-servizzi ta’ terapija u għajnuniet oħra li tant huma meħtieġa għal tfal b’diffikultajiet fit-tagħlim u oħrajn intellettwali biex taparsi qed nipproteġuhom mill-virus. Lil dawn it-tfal, anke jekk qed “nipproteġuhom” mill-virus, qed inċaħħdulhom kull opportunità ta’ tagħlim f’perjodu daqstant importanti fl-iżvilupp tagħhom.
Ma nistax naċċetta li għal darb’oħra nara ż-żgħażagħ tagħna jiggradwaw mill-Università u nħalluhom bla ċelebrazzjoni għas-suċċess tagħhom minkejja kull sforz u sagrifiċċju li għaddew minnu biex jaslu t-triq kollha meta fl-istess waqt naraw spiss u kontinwament gruppi ta’ mijiet – jekk mhux eluf – fi gzuz flimkien u donnu bil-barka tal-awtoritajiet, l-aktar issa li minn Settembru jistgħu jinġemgħu gruppi ta' mija f'attivitajiet bilwieqfa.
Ma nistax naċċetta li nara t-taħriġ tal-isport lokali għat-tfal tagħna wieqaf meta fl-istess waqt qed nipprovaw – suppost – niġġieldu r-rata għolja ta’ obeżità li tara lit-tfal Maltin ta’ 11, 13 u 14-il sena bħala l-aktar tfal Ewropej li għandhom problema ta’ ħxuna u meta f’Malta, wieħed minn kull ħames żgħażagħ f’Malta bejn l-età tat-18 u l-24 sena jinsabu f’riskju li jaqgħu f’dipressjoni.
Tuna direzzjoni.