Quddiem l-Isfida tal-Obeżita' fl-Iskejjel

Mill-studju Body Mass Index Study in Maltese Schools li sar ftit snin ilu (u dan kellu jerġa’ jsir is-sena li għaddiet imma ġie pospost minħabba l-COVID), u studji oħrajn, joħroġ biċ-ċar li l-obeżità jew il-ħxuna żejda, fl-iskejjel Maltin, hija preokkuppanti. Fil-fatt bejn 40 u 43% tat-tfal fl-iskejjel tagħna għandhom problema ta’ obeżità jew ħxuna żejda.

Dan l-istudju partikolari, u li l-metodu li bih inġabret id-data huwa stabbilit skont il-kriterji tal-WHO, ma kienx ibbażat fuq kampjun jew persentaġġ, imma kien studju li sar fuq aktar minn 40,000 tifel u tifla fil-livelli kollha f’aktar minn 145 skola, u huwa xjentifiku biżżejjed biex nifhmu li fl-iskejjel tagħna, fost it-tfal tagħna, fis-soċjetà inġenerali, għandna problema li mhux neċessarjament qegħdin nindirizzawha. Dan huwa x-xenarju preżenti, xenarju li jara t-tfal Maltin ta’ 11, 13 u 14-il sena bħala l-aktar tfal Ewropej li għandhom problema ta’ obeżità u ħxuna.

Fil-waqt li nirrikonoxxi kull sforz u investiment fir-rigward, ninnota li mhux isir biżżejjed biex inwelldu ġenerazzjoni ġdida li tirbaħ fuq l-obeżità u l-ħxuna anke wara l-Avviż Legali numru 266 tal-2018 li jirregola l-ikel u x-xorb li jinbiegħ fl-iskejjel tagħna. Jekk verament irridu nikkumbattu din il-problema, irridu bidla fil-mentalità li tgħinna naraw din is-sitwazzjoni allarmanti bħala sfida u mhux problema, sfida li għaliha hemm is-soluzzjonijiet.

Is-sitwazzjoni tista’ tkun ikkontrollata fl-iskejjel fejn nistgħu nilħqu lit-tfal kollha Maltin u rrawmuhom jgħixu b’mentalità ġdida. Għalhekk, fuq livell kurrikulari, nistgħu nippromwovu erba’ ideat li kienu ta’ suċċess fi skejjel diversi barra minn Malta u naddattawhom għall-ħteġijiet tagħna.

Nemmen li bħala pajjiż irridu nippromwovu aktar dieti ta’ ikel san u għażliet aktar nutrijenti lit-tfal tagħna. Dan jista’ jsir biss jekk kemm-il darba t-tfal tagħna jsibu għażliet nutrijenti fl-iskejjel u l-ġenituri jkunu kontinwament infurmati u aġġornati dwar is-suġġett, billi anke nissuġġerixxu, x’ikel għandu jinġieb fl-iskejjel. Irridu nwessgħu l-opportunitajiet li t-tfal jieklu ikel nutrijenti fl-iskejjel billi nipprovdu aktar korrellazzjoni mal-ikel li jinġieb mid-dar. Fl-istess waqt, l-iskejjel għandhom jipprovdu l-ilma għax-xorb lit-tfal kollha f’kull ħin tal-ġurnata.

Nagħrfu l-ħtieġa li nedukaw lit-tfal tagħna dwar l-aspetti tas-saħħa u l-konsegwenzi li ġġib magħha l-obeżità u l-ħxuna. Mingħajr ma nallarmaw lit-tfal tagħna, irridu nfissrulhom b’mod ċar il-konsegwenzi li l-obeżità u l-ħxuna jġibu magħhom. Din il-forma ta’ edukazzjoni għandha tkun kontinwament fil-qofol tal-kurrikulu tagħna sabiex id-dieta bilanċjata u sana ssir parti mil-lifestyle tat-tfal tagħna. Irridu naspiraw li naraw aktar tfal jirrifjutaw ikel li mhux tajjeb għal saħħithom anke jekk offrut mill-ġenituri li wkoll iridu jkunu parti minn dan il-pjan olistiku biex flimkien negħlbu l-isfidi li għandna quddiemna. Nirnexxu biss jekk naraw aktar tfal li kapaċi jagħmlu distinzjoni bejn ikel tajjeb għas-saħħa u le, u narawhom jieħdu d-deċiżjonjiet għall-futur tagħhom stess.

Bħala sens ta’ gwida, irridu nevalwaw il-possibbiltà li nimmoniterjaw b’mod regolari d-dieta u l-progress tat-tfal tagħna minn żmien għal żmien biex nilħqu tragward flimkien imma wkoll b’mod personali għal kull tifel u tifla. Dan għandu jsir bħala sens ta’ inkoraġġiment u f’sens ta’ direzzjoni edukattiva bħal kull qasam ieħor. Finalment, li jkollna programmi u direzzjoni għal kif se nindirizzaw l-isfidi huma importanti imma mhumiex kollox. Irridu nissettjaw tragward nazzjonali, skont kull skola u f’ċerti każijiet għal kull individwu u naħdmu biex nilħquhom bħalma naħdmu biex nilħqu kull tragward skolastiku ieħor. Tali tragward u ambizzjonijiet ma jistgħux jieqfu mal-ħinijiet tal-iskola imma għandhom ikunu estiżi għal wara l-iskola u matul il-perjodu tas-sajf.

Madankollu, dan ma jistax isir jekk ma ninkoraġġixxux aktar attività fiżika matul il-ġurnata skolastika. Skont l-istandards tal-awtoritajiet tas-saħħa, huwa stmat li t-tfal għandhom bżonn minn tal-anqas 150 minuta ta’ eżerċizzju fiżiku fil-ġimgħa għal tfal tal-primarja u minn tal-anqas 225 minuta għall-istudenti fis-sekondarja. Persentaġġ żgħir ħafna ta’ tfal biss jipprattikaw dan il-minimu, u l-maġġoranza tal-iskejjel mhumiex jippromwovu l-importanza tal-eżerċizzju. Irridu nassiguraw li jiżdiedu l-lezzjonijiet fiżiċi fl-iskejjel u nassiguraw li t-tfal kollha waqt il-lezzjonijiet fiżiċi jkunu verament attivi, billi noffru eżerċizzju kreattiv u li jnissel interess anke wara l-ħinijiet tal-iskola.

Biex tingħeleb l-obeżità fuq livell nazzjonali, irridu nibdew mill-iskejjel tagħna sabiex inwelldu ġenerazzjoni li tgħix b’dieta tajba u tagħmel l-eżerċizzju b’mod kontinwu.

 

 

 

Dan l-artiklu qed jidher fil-gazzetta 'in-Nazzjon' tal-Erbgħa l-1 ta' Settembru 2021

Ritratt: meħud minn artiklu ta' Newsbook.com.mt