50%

Għaliex għandna 50% tal-poplu b'livell edukattiv baxx?

Din il-frażi, “If you think the price of education is expensive, try ignorance” (Derek Bok) hija l-qofol ta’ kull raġunament wara l-importanza tal-edukazzjoni. B’edukazzjoni ma nifhmux il-kurrikulu tal-iskejjel, imma l-edukazzjoni li tgħin lill-bniedem jifhem, jaħseb, jikkritika u jirraġuna lil hinn mit-tagħlim tal-fatti biex jeduka ruħu.

Sfortunatament, ngħixu f’pajjiż li skont l-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, għandu nuqqas serju f’dan ir-rigward, u dawn huma statistiċi xokkanti. Minkejja kollox, l-edukazzjoni mhix tingħata prijorità biżżejjed mill-aspett politiku, u dan huwa diżappuntanti. Bi prijorità nifhem, l-evalwazzjoni tas-sistema u r-riżultati tagħha b’mod professjonali u mhux bi ftit paroli redikolu għall-propaganda politika ta’ politiċi li jinqdew bl-edukazzjoni għal ftit promozzjoni fuq il-media soċjali u li ma tagħti ebda soluzzjoni.

Għalhekk, jiena li l-prijorità politika tiegħi hija l-edukazzjoni, ma nistax ma nagħmilx referenza għall-aħħar statistika (ippubblikata f’The Malta Independent) li tikkonferma li sal-2020, Malta kellha 203,151 persuna b’livell baxx ta’ edukazzjoni. Dan jammonta għal kważi 50% tal-popolazzjoni Maltija ta’ ’l fuq minn 15-il sena li fl-2020 kienet ta’ 441,543. Meta qed ngħidu livell baxx ta’ edukazzjoni, qed nagħmlu referenza għal persuni li ma attendewx skola flimkien ma’ dawk li għandhom kisba ta’ 2 O’Levels jew anqas, jew ċertifikazzjoni ekwivalenti, skont l-International Standard Classification of Education (ISCED).

L-istatistika tindika wkoll żewġ livelli oħra, dawk li għandhom livell medju ta’ edukazzjoni (persuna b’ċertifikazzjoni ta’ livell sekondarju u b’kisba ta’ minn tal-anqas 2 O’Levels jew b’livell postsekondarju u b’kisba ta’ Intermediate jew A’Level) u dawk li għandhom livell għoli (persuna b’livell terzjarju b’ċertifikazzjoni ta’ Diploma sa Dottorat), 129,363 persuna u 105,750 rispettivament. B’referenza għal-livell terzjarju, statistika tal-Eurostat tikkonferma li ż-żgħażagħ Maltin ta’ bejn il-25 u l-34 sena b’livell terzjarju għandhom lura mill-45% li jrid jintlaħaq sal-2030, u dan ukoll jikkuntrasta sewwa ma’ pajjiżi bħal-Lussemburgu u l-Irlanda li diġà għandhom qrib is-60% taż-żgħażagħ tal-istess etajiet li qed jilħqu dawn it-tragwardi hekk kif stabbiliti skont ir-Resolution on a strategic framework for European cooperation in education and training towards the European Education Area and beyond (2021-2030) approvata fi Frar tal-2021 mill-Unjoni Ewropea. (tabella 1)

Iċ-ċifri li qed nirreferi għalihom hawn fuq, ma jistgħux ikunu kompleti jekk ma nagħtix ħarsa ħafna lejn statistika tal-Eurostat li turi data għall-2020 b’referenza għal żgħażagħ ta’ bejn l-20 u l-24 sena li lestew il-livell sekondarju, u li f’Malta huwa ta’ 81.1% (77.8% subien u 85.0% bniet), u li għalkemm dan huwa qrib il-medja Ewropea, jidher inferjuri għalkollox meta komparat ma’ pajjiżi bħall-Kroazja (97.2% u l-Montenegro (96.1%) fost oħrajn. (tabella 2)

Għalhekk, wieħed jinnota li minkejja kull sforz, sal-2020, għadna lura milli naċċertaw li t-tfal kollha qed jingħataw l-edukazzjoni. Din hija preokkuppanti daqskemm hija inkwetanti u għalhekk naraw korrellazzjoni bejn din l-istatistika tal-aħħar u l-fatt li għandna 50% tal-poplu b’livell edukattiv baxx.

Meta nanalizzaw sewwa dawn in-numri li qiegħed nippreżenta hawnhekk, nifhmu li s-sistema edukattiva tagħna, għalkemm qed turi progress, għadha lura ħafna. Għaldaqstant, huwa importanti ħafna li nħallu warajna l-COVID-19 u nassiguraw li din is-sena skolastika u akkademika li jmiss tkun iffukata fuq l-iżvilupp tal-ħiliet edukattivi taż-żgħażagħ u t-tfal tagħna mingħajr burokrazija u regolamenti żejda li sfortunatament narawhom japplikaw b’rigoriżità fl-iskejjel, fis-Sixth Forms u fl-Università imma mhux waqt l-attivitajiet tal-massa.

L-edukazzjoni tagħna għandha tkun prijorità assoluta tal-investiment tagħna għaliex sal-lum, qed inħallsu prezz għoli għall-injoranza li qed tnaqqas il-possibbiltà li jkollna tfal u żgħażagħ li jagħrfu l-importanza li jaħsbu u jikkritikaw.