Edukazzjoni Kompluta għal Uliedna
-
in Edukazzjoni
EŻAMIJIET BLA ĊANS IEĦOR
L-edukazzjoni hija dritt fundamentali għal uliedna, u rridu nassiguraw li dan jingħatalhom. Mhux biss imma, f'sistema li fiha l-akkreditazzjoni hija attribwita lill-eżamijiet tal-MATSEC, irridu nifhmu l-importanza tal-istess eżamijiet u aktar minn hekk niddefendu d-dritt li ż-żgħażagħ tagħna jagħmluhom.
Għas-sena li għaddiet, jiġifieri għas-sena skolastika 2019-2020, l-istudenti li kienu se jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC f'Mejju tal-2020, ingħatatilhom marka predikattiva skont l-eżamijiet tal-MOCKS meta dawn ġew ikkanċellati minħabba l-pandemija. Madankollu, kulħadd kellu l-opportunità li jagħmel l-eżamijiet f'sessjonijiet li saru f'Settembru u b'hekk ingħata ċans lil min ma kienx sodisfatt bil-marka predikattiva, jirratfikaha. Din kienet sessjoni waħda, u min ma ġabx il-marka li xtaq, ma kellux opportunità li jagħmel resit. Dak iż-żmien jien argumentajt li din kienet inġusta għaliex min ma attendiex għall-MOCK (għal xi raġuni jew oħra) jew min ma kellux ċans jagħmel MOCK għax forsi kien se jkun kandidat privat jew jattendi fi skola fejn l-eżamijiet kienu għadhom ma sarux, kellu biss ċans wieħed f'Settembru u mhux żewġ ċansijiet kif jiġri u kif għandu jkun dejjem.
L-istess xorta ta' inġustizzja, jidher li se nerġgħu narawha tirrepeti ruħha din is-sena wkoll. Għalkemm l-eżamijiet tal-O'Levels u l-A'Levels saru f'Mejju, u għalkemm se jkun hemm sessjoni ta' resit fi tmiem Settembru jew bidu ta' Ottubru, dawk kollha li jinqabdu fi kwarantina (anke jekk ikunu negattivi għall-COVID) waqt is-sessjoni tal-eżami/jiet tagħhom, mhux se jingħataw possibbiltà jerġgħu jpoġġu għall-eżami f'sessjoni oħra. Is-sit Lovinmalta.com qed tgħid li l-MATSEC irribattiet dan l-argument li jien qajjimt billi fissret li f'każijiet bħal dawn, kull każ se jkun ikkunsidrat fuq bażi ta' case-by-case. Għalhekk, hawnhekk għandna konferma oħra ta' inġustizzja, għaliex sal-lum ma nafux abbażi tal-liema kriterji se jkunu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet case-by-case.
Inħoss li dan qiegħed joħloq ħafna ansjetà żejda fost iż-żgħażagħ tagħna, u wara perjodu ta' inċertezzi, iż-żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom ma jixirqilhom xejn ħlief serħan il-moħħ li hemm sistema ġusta għal kulħadd. Ejja ma nħallux il-pandemija tirbaħ fuq it-tfal tagħna, imma rrebbħu lilhom li tant stinkaw u ħadmu biex, jibnu ħajjithom. Dan huwa li qed jitkellem dwaru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta jenfasizza fuq sistema edukattiva ġusta li tilħaq lil kulħadd.
Għalhekk nibqa' nenfasizza l-importanza li ħadd ma jkun imċaħħad milli jagħmel l-O'Levels jew l-A'Levels.
NUQQAS TA’ GĦALLIEMA
Erġajna bdejna sena skolastika oħra, u għal darb’oħra, niftħuha b’nuqqas serju ta’ għalliema fil-klassijiet tal-primarja. Il-Union ewlenija tal-Għalliema, il-MUT qiegħda tgħid li hemm mal-150 klassi li għaliha ma hemmx għalliema, bil-Ministeru jirrispondi billi jibda eżerċizzju li permezz tiegħu jaqla’ l-maġġoranza tal-għalliema parapatetiċi u kumplimentari biex jgħallmu l-klassijiet. Għalhekk, fi ftit kliem, biex nifhmu aħjar, għaliex tajjeb li nkunu ċari, għandha klassijiet fil-primarja li fihom hemm għalliema li jgħallmu l-Arti, il-Mużika, il-PSCD, il-PE fost oħrajn li issa se jkunu afdati bi klassi u li fiha jridu jgħallmu s-suġġetti kollha: il-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, ir-Reliġjon u l-bqija, meta ħafna minnhom qatt ma għallmu tali klassijiet u meta dawn ġew avżati matul tmiem il-ġimgħa li għadda. Għalhekk, nistgħu nimmaġinaw kif dan ix-xenarju mhux ideali la għall-għalliema u lanqas għat-tfal, sadanittant għandna Ministru tal-Edukazzjoni li qed tipprova tbellahha lill-Ġaħan li l-edukazzjoni miexja fuq ir-rubini!
Prosit Ministru!