Basktijiet Mimlija - Tablets Vojta!
-
in Edukazzjoni
Meta fl-2014 tnieda l-proġett pilota tal-‘one tablet per child’, l-intenzjoni primarja kienet li pajjiżna bil-mod il-mod jibda jitbiegħed minn tradizzjoni ta’ kotba u karti tat-taħriġ u jaqleb għal sistema aktar teknoloġika. Inizjattiva tajba ħafna, jekk kellna tirnexxi. Sal-lum, għaddew kważi 8 snin, u jkolli ngħid li dan il-proġett mhux qed jagħtina l-massimu li nistgħu nieħdu minnu.
L-argument li rrid inġib hawnhekk mhux relatat mal-użu teknoloġiku, iżda wieħed relatat mal-piżijiet tal-basktijiet. Sal-lum għadna qed naraw tfal żgħar bejn l-etajiet ta’ 8 u 13-il sena jgħabbu basktijiet li jmorru kontra kull rakkomandazzjoni tal-esperti tas-saħħa. Huwa rakkomandat li t-tfal ma jgħabbux aktar minn 10% tal-piż tagħhom stess, għalhekk tfal li jiżnu bejn 25 u 40 kilo (piż normali għal dawn l-etajiet), ma hux rakkomandabbli li jkollhom jerfgħu basktijiet li jiżnu 8 kilos jew ġieli anke aktar! Dan qed jagħmel ħsara estensiva lil saħħet it-tfal u ma hawnx biżżejjed kuxjenza dwar l-importanza li l-basktijiet jitnaqqsu fil-piż tagħhom!
B’referenza għall-proġett li sar fl-2015/2016 b’konġunzjoni bejn id-Dipartiment għar-Riċerka u l-Iżvilupp Politiku fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni; id-Dipartiment tal-Pedjatriċi fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa; u l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Fiżjoterapisti, liema studju kien jinkorpora l-iskejjel kollha f’Malta li fihom jattendu tfal ta’ bejn it-8 u t-13-il sena, nafu li aktar minn 70% tat-tfal kellhom basket li jaqbeż il-piż rakkomandat. Total ta’ 32% tat-tfal mill-kampjun meħud, ilmentaw minn uġigħ f’daharhom possibbilment kawża tal-piżijiet żejda li huma mitluba jġorru kuljum. Sfortunatament, ma hawnx wisq attenzjoni f’dan ir-rigward, u minkejja l-ħafna kliem fieragħ, sal-lum mhu jsir prattikament xejn konkret sabiex ngħinu t-tfal tagħna jnaqqsu l-piż tal-basktijiet tagħhom. Intant, bilkemm ma nistennewx it-tfal imorru l-iskola bil-mixi!
Għalkemm jeżistu linji-gwida għall-edukaturi, għall-ġenituri u għat-tfal sabiex jitnaqqsu l-piżijiet, nemmen li neħtieġu direzzjoni speċifika. Sal-lum għad hawn tfal mitluba jġorru kuljum kotba bin-noti li jkunu jinkorporaw it-topiks kollha mill-ewwel ġimgħa sal-aħħar waħda meta dawn setgħu faċilment inqasmu. Kellmuni ġenituri li wliedhom qed jieħdu l-iskola pakketti ta’ noti binded b’aktar minn 300 paġna! Oħrajn ilmentaw miegħi dwar il-kotba tal-Matematika li għandhom piż konsiderevoli u li wkoll jinġarru kuljum.
Għalhekk irridu nibdew naħsbu aktar fit-tul u bil-mod il-mod nibdew naqilbu għal tagħlim ibbażat aktar fuq it-teknoloġija. Nistenna li l-ewwel pass għandu jkun li l-istudenti kollha mill-primarja sas-sekondarja jingħataw tablet sabiex nibdew innaqqsu d-dipendenza tal-kotba u n-noti, għax dawn faċilment jistgħu jintużaw b’mod diġitali. Jekk mhux fis-suġġetti kollha, għandna nibdew minn xi suġġetti li fihom jintużaw kotba tqal u noti abbundanti. Sfortunatament, anke fil-livell primarju fejn għandna l-użu tat-tablets, id-dipendenza fuq il-kotba għadha hemm u allura wieħed jistaqsi jekk il-proġett innifsu għandux ikkunsidrat fallut.
Inħeġġeġ il-pubbliku, lill-ġenituri, lin-nanniet u lill-kustodji biex tistaqsi ftit kemm-il siegħa qed jintuża t-tablet u kemm fih materjal alternattiv għall-kotba. Qabel it-tfal tagħkom imorru għall-iskola għada, iżnuhom, iżnu l-basket u araw jekk il-piż tal-basekt hux 10% tal-piż tat-tfal. Jekk hu aktar, hemm problema, u la hemm problema rridu nindirizzawha!
Hija ħasra li għandna tfal bil-basktijiet mimlija u bit-tablets vojta!
Dan l-artiklu qed jidher fil-ħarġa ta' In-Nazzjon tal-Erbgħa 13 ta' Ottubru 2021