Il-Viżjoni tagħna għall-Edukazzjoni
-
in Edukazzjoni
Il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista huwa xhieda ħajja li l-Partit Nazzjonalista huwa Partit li jemmen fil-potenzjal tal-individwu sabiex jirnexxi f’kull aspett u mhux biss f’dak ekonomiku. Il-proposti tagħna għall-qasam edukattiv jorbtu flimkien il-futur immedjat ma’ futur b’viżjoni li jwassalna sal-2030 u aktar. Għalhekk hemm rabta indiretta imma intrinsika bejn dak li se nwelldu fil-qasam ekonomiku u dak li nwettqu fil-qasam edukattiv biex nippreparaw ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ lesti għall-viżjoni ta’ impjiegi ġodda li nistgħu noħolqu jekk ningħataw il-fiduċja.
Aħna bħala Partit Nazzjonalista li nemmnu fit-tagħlim qed inħarsu lejn il-bini ta’ skola speċjalizzata kull sena “biex inħajru u nixprunaw iżjed tfal u żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-oqsma li jaspiraw li jirnexxu” (manifest – 430) u għalhekk se nibdlu l-mod kif inħarsu lejn l-edukazzjoni billi nispeċjalizzawha fl-oqsma tad-dinja virtwali; fit-teknoloġija diġitali, tal-manifattura, tar-robotika; il-metaverse; l-arti u l-kultura. Fl-istess waqt se “nespandu l-irwol tal-MCAST f’qafas mifrux ta’ programmi intiżi biex jinvestu fit-taħriġ marbut ma’ industriji u setturi ekonomiċi ġodda, is-snajja’ u l-ħiliet vokazzjonali” (manifest – 431).
Għalina, l-edukazzjoni ma tibdhiex u tieqaf mal-klassi tradizzjonali, imma rridu noffru edukazzjoni olistika b’mod komplet li fiha t-tfal tagħna jingħataw kull inċentiv u opportunità sabiex jitgħallmu lil hinn mill-qafas riġidu. Għalhekk qed ngħaddu għotja ta’ €300 għal kull wild (sa 18-il sena) lill-ġenituri sabiex jieħdu sehem fi programmi estrakurrikulari fl-isport, fil-arti permfomattiva, fil-kultura u fl-arti (manifest – 422). Fl-istess waqt imma, irridu liż-żgħażagħ tagħna ta’ bejn is-16 u l-21 sena jimirħu u jikbru billi jesperjenzaw pajjiż Ewropew mil-lat edukattiv, kulturali u/jew sportiv u għalhekk qed noffrulhom vawċer ta’ €500 (manifest – 442). Liż-żgħażagħ qed nagħtuhom żieda ta’ 25% fl-istipendji jekk jinvolvu ruħhom f’xogħol volontarju sabiex nibdew noħolqu rabta bejn id-dinja “ta’ barra” u dik tal-università, u żieda ta’ 25% fl-istipendji lill-istudenti li jidħlu għall-korsijiet tal-aktar professjonijiet meħtieġa (manifest – 441/440).
Irridu ninqatgħu mill-mentalità li żżomm distinzjoni bejn l-iskejjel Indipendenti, tal-Knisja u tal-Istat. Irridu għalhekk nibnu qafas aktar integrali sabiex l-edukazzjoni nazzjonali tkun waħda li għandha viżjoni u pjan sabiex kulħadd jirnexxi u bl-istess modi u dan fl-istess waqt irridu nirrispettaw l-awtonomija tal-indipendenza ta’ kull skola. Irridu naqsmu prattiċi tajbin li jsiru fi skola jew f’oħra sabiex kulħadd jibbenifika minnhom (manifest – 416). Fil-kuntest tal-iskejjel Statali, irridu noffru kull ċans lil kull familja sabiex ħadd ma jitħalla lura, anke jekk għad għandna tfal ġejjin minn familji ekonomikament żvantaġġjati. Aħna nemmnu fl-obbligu li ma nħallu lill-ebda tifel u tifla lura (manifest – 416). Ma rridux niċċirkondaw l-edukazzjoni mal-aspett akkademiku, dik nifhmuha, u għaldaqstant ser nibnu qafas ibbażat “ta’ work-based learning fil-livell sekondarju biex studenti li għandhom ħiliet u talenti f’oqsma vokazzjonali jkollhom l-opportunità li jiżviluppaw it-talenti tagħhom wara li jlestu l-edukazzjoni obbligatorja” (manifest – 429)
Fuq kollox imma ma nistgħux insaħħu l-edukazzjoni tagħna jekk kemm-il darba ma ninvestux fl-edukaturi tal-pajjiż, iċ-ċavetta għall-qabża fil-kwalità. Għalhekk, ilni nitkellmu dwar l-importanza li jitjiebu “b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi fuq il-livelli kollha bil-għan li jiġu inċentivati aktar professjonisti biex jidħlu għal dan l-impenn kruċjali għall-futur tat-tfal tagħna. Dan ser isir permezz ta’ titjib sostanzjali fis-salarji, miżuri li jtejbu l-bilanċ bejn il-familja u l-professjoni kif ukoll inċentivi li jappoġġjaw it-taħriġ professjonali kontinwu” (manifest – 417).
Dawn huma ftit mid-deċiżjonijiet strateġiċi tagħna li għandhom isostnu l-qasam edukattiv u neħduh fil-viżjoni 2030.