Fis-Skiet tal-Pandemija

Meta l-umanità tibda tonqsilha l-importanza tagħha fl-isfera politika u soċjali, allura l-aktar valur importanti u imprezzabbli tal-bniedem ma jibqax jagħmel sens. Dejjem argumentajt li l-bniedem mhuwa xejn mingħajr l-essenza tal-umanità. Inħoss li ninsabu għaddejjin minn żmien fejn din l-importanza li l-umanità jixirqilha mhix tingħatalha biżżejjed, u nazzarda ngħid, li dan qed iseħħ għaliex it-tiġrib donnu sar ‘normali’ u ‘indera’. 

Il-Pandemija tal-COVID-19 li ċaqalqet lid-dinja mis-sisien tagħha, qarrbitna ħafna aktar lejn l-umanità u l-ħteġijiet veri tagħha, lil hinn mill-frugħat ta’ ħajja materjalistika li tingħax bl-abbundanza tal-ħela. Madankollu, iż-żmien donnu jderri kollox u llum, qed nidraw bin-nies imutu, qed nidraw bl-anzjani maqfula ’l bogħod mill-ħajja diċenti li jixirqilhom, qed nidraw bil-problemi soċjali u mentali ta’ ħafna u ħafna familji u żgħażagħ li ntlaqtu minn sitwazzjoni li għalihom ma hemmx biżżejjed jew wisq soluzzjonijiet.

Sal-lum, il-pandemija ħasdet il-ħajja ta’ aktar minn 170 vittma minn fost 11-il elf u 471 persuna li messhom il-virus, u bħallikieku  mhu xejn. Għadda ż-żmien li ninkwietaw, nitħassbu u nistressjaw minħabba l-COVID-19 għaliex drajna u llum mhux nindunaw li qed imutu n-nies vulnerabbli, ta’ kuljum, u jinfettaw ruħhom b’medja ta’ 600 fil-ġimgħa. Minkejja dan, l-insensittività tal-Prim Ministru – li ħadd ma għadu jieħdu bis-serjetà meta jitkellem dwar il-COVID-19 – tinħass b’arroganza, nuqqas ta’ rispett lejn is-sentimenti ta’ min għaddej minn kull xorta ta’ diffikultà relatata mal-pandemija, għaliex sa tmiem din il-ġimgħa stess, jafferma li huwa kuntent u sodisfatt bir-riżultati ta’ pajjiżna. Għall-Prim Ministru, il-progress ekonomiku huwa aktar importanti, minkejja li fl-aħħar ġimgħat ir-rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta qed jikkonferma li f’Ottubru kien hemm tnaqqis fl-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku meta mqabbel max-xahar ta’ Settembru, jiġifieri l-istampa r-reali mhix l-istess waħda bħal dik il-virtwali li qiegħed jagħti Robert Abela. 

Minn riċerka tar-Richmond Foundation, illum nafu li l-pandemija qed tinifirex b’rata mgħaġġla mhux fis-sens ta’ trażmissjoni infettiva imma qed tinxtered fis-skiet tagħha wkoll. F’Awwissu, nofs iż-żgħażagħ li għandhom bejn is-16 u l-24 sena rrapportaw sentimenti ta’ solitudni u attwalment, 75% tal-addoloxxenti u taż-żgħażagħ jgħidu li qed iħossuhom solitarji minħabba l-COVID-19 waqt li 16% għaddielhom il-ħsieb ta’ suwiċidju minn tal-anqas darba f’ġimgħa f’Diċembru, żieda sostanzjali ta’ 4% minn Ġunju. Jekk immorru lura f’April, fil-perjodu li fih pajjiżna kien konxju mill-pandemija u fil-perjodu li fihom l-iskejjel kienu magħluqa, u fil-perjodu li l-pubbliku kien mistenni jibqa’ d-dar ħlief għal każijiet straordinarji, kważi 82% taż-żgħażagħ tal-istess età esprimew sentimenti ta’ solitudni.  Dan fl-istess waqt, li f’9 xhur, it-telefonati lil Fondazzjoni Richmond żdiedu b’400% aktar minn kull perjodu ieħor u s-sessjonijiet ta’ follow-up żdiedu b’276%.

Dawn in-numri qed jgħajtu u jwerżqu f’widnejna li llum huma torox biżżejjed biex ma nisimgħuhomx. Pajjiżna għaddej minn kriżi siekta u qed nagħtuha daharna għaliex ma aħniex inkunu sensittivi biżżejjed. Ma nistgħux nagħmlu wisq, imma nistgħu nagħmlu ħafna u ħafna aktar. Il-vittmi tal-pandemija mhumiex biss dawk li ħajjithom inħatfet bil-mewt, imma huma dawk kollha li ħajjithom ġiet affettwata fin-negattiv, u lil dawn għandna l-obbligu li nisimgħuhom.