Lenti fuq is-Sena 2020

Minn fejn tibda u fejn tispiċċa? Din hija possibbilment waħda mill-aktar snin li fiha rajna taqlib u tibdil mill-aspett politiku, soċjali u ekonomiku, primarjament minħabba l-pandemija tal-COVID-19 imma wkoll minħabba kriżi politika li ħakmet lil pajjiżna fi tmiem is-sena 2019 u li konsegwentement ħalliet impatt konsiderevoli tul din is-sena. 

JOSEPH MUSCAT 

Din is-sena bdiet b’Joseph Muscat jirriżenja mill-kariga ta’ Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista wara biss ftit snin u li fihom se jibqa’ mfakkar għal numru sostanzjali ta’ skandli li għalihom ingħata t-titlu infami tal-aktar politiku korrott tal-2019, skandli li jmorru lura għall-bidu tat-tenura tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta. Din ir-riżenja inevitabbli ġabet magħha ħafna bidliet maġġuri oħra fosthom it-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi li matul il-karriera politika tiegħu kien kontinwament involut fi skandlu wara l-ieħor u jibqa’ msemmi għall-mod drammatiku li bih l-Eżekuttiv Laburista warrbu f’lejla umiljanti b’71 minn 73 membru jivvotaw biex illum Mizzi ma għadux aktar parti mill-Partit Laburista. Mizzi jibqa’ għal dejjem attribwit mal-iskandli relatati mal-Windfarm fil-Montenegro, l-affiljazzjonijiet tiegħu ma’ Yorgen Fenech – li sal-lum huwa l-allegat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galiza – u l-involvimenti tiegħu fil-proġett tal-Electrogas li huwa mgħaddas fil-korruzzjoni u l-kumpanija sigrieta 17 Black li kellha tforni lil Mizzi bl-eluf kuljum minn fuq dahar il-poplu u dejjem bil-barka ta’ Joseph Muscat. Mal-waqa’ ta’ Muscat, rajna serje ta’ nies importanti oħra jwarrbu min-nofs, fosthom l-Avukat Ġenerali Peter Grech u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar – li servew fl-irwoli tagħhom aktar bħala pupazzi ta’ Joseph Muscat milli xort’oħra – b’diversi allegazzjonijiet serji u xokkanti fil-konfront tagħhom għaliex taw struzzjonijiet biex ċerti investigazzjonijiet jorqdu fuq ommhom meta kien fl-interess nazzjonali li dawn jiskattaw bl-akbar professjonalità bħal fil-każ tal-iskandlu tal-Panana Papers u l-każ tal-Bank Pilatus. Ma’ dawn ma nistgħux inħallu barra lil Chris Cardona li wkoll kellu jirtira mix-xena politika umiljat.

ROBERT ABELA

Fl-ewwel sena tiegħu fit-tmexxija bħala Prim Ministru Robert Abela kellu jiġbor il-biċċiet li ħalla warajh Joseph Muscat u għalkemm ir-rebħa tiegħu fuq id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kienet waħda li tibqa’ titqies b’sorpriża, daħal għar-responsabbiltà li llum nifhmu li ma kienx jiflaħ iġorr. Robert Abela, minkejja l-wegħdi ta’ bidla fid-direzzjoni, illum qiegħed jikkonferma li ma hu xejn ħlief kontinwazzjoni ta’ qablu,  bħalma fil-fatt kienet id-direzzjoni li ta lill-kampanja elettorali tiegħu meta dan il-pajjiż kellu bżonn il-kuntrarju. Fl-ewwel xhur tiegħu bħala Prim Ministru kellu jsib quddiemu l-pandemija tal-COVID-19 li bla dubju ħarbtet il-pjanijiet li seta’ kellu u sal-lum għad hawn ħafna dubju fuq jekk il-Gvern ta’ Abela setax jikkontrolla l-imxija b’aktar serjetà u effettività. Fil-qilla tal-pandemija rajnieh jieħu l-kontroll f’idejh, mossa li ħalliet lil Chris Fearne u lil Charmaine Gauci f’sitwazzjoni li mhux dejjem dehru konvinti u komdi biha. Lil hinn mill-pandemija, Abela ħatar kabinett għal darba tnejn fl-ewwel 12-il xahar, xhieda li l-ewwel Gvern immexxi minnu falla għalkollox, bl-aktar bidliet notevoli jkunu dawk fil-Ministeru tal-Finanzi u tal-Edukazzjoni, biex illum dawn il-Ministeru huma okkupati minn sieħbu li tqabbeż il-kju għall-Parlament u Justyne Caruana li kienet tneħħiet minn Ministru wara biss jumejn lura f’Jannar. Fil-bidliet li affettwa jaraw lil Miriam Dalli li ċediet postha fil-Parlament Ewropew biex illum qed isservi fil-Parlament Malti, deċiżjoni li minnha jista’ jiggwadanja l-poplu Malti. Minkejja kollox, is-sondaġġi għadhom juru li jgawdi l-fiduċja tal-poplu daqstant ieħor.

ADRIAN DELIA

Din kienet is-sena li fiha l-Partit Nazzjonalista għażel li jbiddel il-Kap tiegħu wara li tliet snin qabel ta l-fiduċja lil Adrian Delia li kellu perjodu diffiċli għaliex baqa’ qatt ma rebaħ il-fiduċja ta’ dawk li fil-Partit Nazzjonalista ma riduhx jokkupa l-ogħla kariga. It-terminu ta’ Delia bħala Kap tal-Partit, għalkemm kien wieħed relattivament qasir ma għandux ikun imdellel mill-fatt li kien sfiduċjat mill-organi interni kollha tal-Partit għaliex il-kontribut tiegħu għandu wkoll ikun mogħti l-importanza li jistħoqqlu fl-Istorja politika tal-2020. Għalkemm Adrian Delia baqa’ qatt ma kiseb l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista kollu u baqa’ qatt ma kellu prestazzjonijiet pożittivi fis-sondaġġi pubbliċi matul it-terminu kollu tiegħu ġeneralment minħabba drama politika li tappnet il-ħidma u l-kredenzjali politiċi tiegħu, kien il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-mument li fih waqa’ Joseph Muscat minn Prim Ministru. Sal-lum, Adrian Delia għadu qiegħed jiġġieled fil-Qorti biex il-poplu Malti jieħu lura t-tliet sptarijiet pubbliċi li l-Gvern ta’ Muscat ta lil Vitals. 

BERNARD GRECH

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illum qiegħed jokkupa pożizzjoni sensittiva ħafna mhux għaliex il-Partit Nazzjonalista qiegħed minn taħt fis-sondaġġi politiċi imma għaliex iż-żewġ kapijiet ta’ qablu ma wasslux lill-Partit Nazzjonalista sad-destinazzjoni l-mistennija – ir-rebħa elettorali. Għalhekk, Grech għandu ħafna responsabbiltà għaliex irid jagħmel dak li l-Partit Nazzjonalista ilu ma jagħmel għal ħafna snin. Il-ħatra tiegħu ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista ma kinitx sorpriża l-aktar meta beda jidher biċ-ċar li t-tesserati Nazzjonalisti għejjew bid-drama politika li kienet orkestrata internament, u għalhekk fi Grech għarfu direzzjoni differenti. L-ewwel sinjali fit-tmexxija tiegħu huma pożittivi l-aktar minħabba l-fatt li kontinwament jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ riġenerazzjoni, tiġdid u l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-Partit. Huwa evidenti li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jinfatam mill-passat u Bernard Grech qiegħed jenfasizza dan bil-għaqal u bil-galbu. Minkejja li mal-ewwel beda juri titjib konsiderevoli fis-sondaġġi u qiegħed inissel tama għall-futur fil-possibbiltà ta’ Partit aktar magħqud u kkonċentrat fuq l-avversarju politiku – milli fil-problemi interni – għad irid jirbaħ fuq dawk li sal-lum mhumiex komdi fil-Partit Nazzjonalista għaliex huma mweġġgħin minħabba l-mod li bih tneħħa Adrian Delia minn Kap tal-Partit. Din hija bla dubju l-akbar sfida li għandu quddiemu Grech... u li jrid jirrisolvi.

PERSONAĠĠI OĦRAJN

Fil-limitazzjonijiet tagħha, din is-sena tatna sodisfazzjon ukoll meta l-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola nħatret Viċi President tal-Parlament Ewropew f’dik li hija l-ogħla kariga li qatt kellha persuna li kienet tirrappreżenta lil Malta fi Brussell. Din l-aħbar sabiħa hija estiża wkoll fil-ħatra tal-Isqof Mario Grech bħala Kardinal, f’waħda mill-ogħla karigi fil-Knisja Kattolika. Madankollu, ħadet magħha wkoll ħafna personaġġi li taw kontribut lil Malta, fosthom il-Kardinal Prospero Grech, l-attur George Micallef, il-Membru Parlamentari Frederick Azzopardi, il-Professur Oliver Friggieri u l-Ġurista J.J Cremona.