In-Nies Tirrispondi
-
in Aħbarijiet
Ir-rapport mhux konkluż tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NAO) li jindika kif il-konsumatur Malti qiegħed jinsteraq mill-ARMS fit-tariffi tal-elettriku u tal-ilma, jikkonferma li l-wegħda fiergħa ta’ Joseph Muscat li biha rebaħ l-elezzjoni tal-2013 – dik li se jorħsu l-kontijiet – illum, bħal kull wegħda fiergħa oħra qiegħda ttir mar-riħ għax kienet biss mibnija fuq gidba. F’dan il-kuntest, il-Partit Nazzjonalista qiegħed ikun strumentali biex jagħti leħen lill-konsumatur Malti li qiegħed jinsteraq u jwiegħed li Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech jerġa’ jrodd lura dak li fis-sewwa huwa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Għalhekk, in-nies qed tirrispondi għas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista li qiegħed isejjaħ lil dawk kollha li jridu jirreġistraw l-interess tagħhom fl-inġustizzja tal-mekkaniżmu inkorrett, għaliex in-nies trid ġustizzja, in-nies trid il-verità. Dak li rajna quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista nhar is-Sibt li għadda, jikkonferma li n-nies qed twieġeb għall-kawża tal-Partit Nazzjonalista li jiġġieled għas-sewwa u jikxef il-qerq tal-Gvern li qiegħed jisraq lill-Maltin u lill-Għawdxin – inkluż lil dawk li mhumiex ilaħħqu mal-ħajja – bla ebda skrupli u bla ebda rimors.
Biex inpoġġi kollox fil-perspettiva, se nfiehem kif l-ARMS qed tisraq lill-konsumatur abbażi ta’ spjegazzjoni tajba ħafna meħuda mill-gazzetta The Times of Malta. L-ewwel nett, ir-rati huma dawn: 0-2,000 unit jitħallsu bl-10.47ċ; 2,001-6,000 unit bit-12.98ċ; 6,001-10,000 unit bis-16.07ċ; 10,001-20,000 unit bl-34,20ċ; aktar minn 20,000 unit bis-60.76ċ. Għalkemm dawn ir-rati jakkumulaw matul sena kalendarja, l-ARMS tiddividi l-kontijiet kull xahrejn u għalhekk jekk kemm-il darba l-konsumatur ma jaqbiżx l-2,000 unit kull xahrejn, ikun qiegħed jitlef l-irħas rata kull darba li jinbdew ix-xahrejn li jmiss. Mela, dan ifisser li la darba residenza jinħarġilha kont kull xahrejn, l-ewwel 2,000 unit huma maqsuma fuq sitt kontijiet, allura minnhom ir-residenza tibbenifika biss minn 333 unit bl-irħas rata tal-10.47ċ kull kont, 666 unit bit-12.98ċ, 666 unit oħrajn bis-16.07ċ eċċ. Mela, fi kliem sempliċi, anke jekk residenza f’perjodu ta’ xahrejn tikkonsma anqas minn 333 unit, dawk il-units mhux użati kalkulati fuq l-irħas rata ma jinġarrewx għall-kont li jmiss imma jintilfu. Dan awtomatikament ma jħajjarx lill-konsumatur joqgħod lura milli jaħli l-elettriku biex “iġemmgħu” minn kont għal ieħor kull xahrejn.
L-ARMS għalhekk tonqos milli tikkunsidra x-xhur tas-sajf li fihom ikun iġġenerat ħafna aktar elettriku minħabba l-użu ta’ sistemi ta’ arja kkundizzjonata. Għalhekk, jekk nieħdu eżempju ta’ xahrejn fis-sajf fejn familja użat 2,000 unit minn wara l-aħħar kont, din tħallas bl-irħas rata ta’ 10.47ċ għall-ewwel 333 unit minn total ta’ 2,000 użati u b’hekk minflok tħallas €209.40, tispiċċa tħallas €342.89 għaliex il-benefiċċju tal-“ewwel” 2,000 unit ma humiex ikkalkulati għal kull xahar imma maqsumin fuq il-perjodu ta’ 6 kontijiet, 333 unit kull darba li jiġi l-kont.
Għal ħafna, din hija anomalija li għadhom ma fehmux, u l-Partit Nazzjonalista qiegħed jassigura li tkun indirizzata. Għalhekk, dawk kollha li jridu jirreġistraw din l-inġustizzja, jistgħu javviċinaw lill-Partit.
Fuq inizjattiva personali, illejla bejn is-18:00 u s-19:30, jiena se nkun qiegħed ngħin lil dawk kollha li jixtiequ jirreġistraw l-inġustizzji fl-uffiċċju tiegħi f’numru 11, Triq Brared, Birkirkara. Dawk kollha li jixtiequ assistenza u huma mil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, l-Iklin, Ħal Balzan u Ħal Lija jistgħu jiġu mingħajr appuntament.