Dak li hu Tagħna
-
in Aħbarijiet
Quddiem it-theddida ta’ dinja globalizzata u moderna, bil-qajla l-qajla qed nitilfu dak li verament jagħmilna min aħna: Maltin. Anke jekk il-ħajja qabdet tinbidel, għal dak li huwa tagħna u dak li jiddefinixxi l-kultura tagħna, irridu nkunu aħna stess li niġġieldu għalih b’kul mezz, b’kull forza u b’kull determinazzjoni possibbli. Għalkemm jien personalment m’iniex interessat fil-logħob pirotekniku, nifhem li l-logħob tan-nar huwa parti essenzjali minn festa, u meta nsemmu l-festi, liema festa hija isbaħ minn dik tagħna f’Birkirkara li niċċelebraw lill-Patruna Santa Liena?
Matul is-snin li issa ilni involut fil-politika, għaraft napprezza dak li qabel qatt ma tajt kasu, għaraft nifhem il-passjoni u l-imħabba għal dak li lili qatt ma laqatni, għaraft inqis id-dedikazzjoni f’dak li bil-kemm qatt ħsibt dwaru. Fil-ħajja politika, trid tifhem dak kollu li jsawwar lokalità, dak kollu li jagħmel komunità, u għaraft nifhem, napprezza, inħobb u fuq kollox niddefendi dak li huwa tal-Karkariżi għaliex dak kollu li jagħmlu, jagħmluh b’imħabba u dedikazzjoni. Dħalt għand l-għaqdiet kollha, iltqajt mal-kumitati kollha u lkoll għandhom biss interess wieħed: ir-raħal – Birkirkara.
Għalhekk, meta ftit xhur ilu ġejt avviċinat mill-Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta’ Awwissu biex magħhom niddiskuti l-problema li qegħdin isibu quddiemhom għal dawn l-aħħar snin, b’rispett u b’dover għażilt li niġġieled magħhom għall-kawża li f’għajnejja hija ġusta biżżejjed biex tkun miġġielda: dik li Birkirkara jkollha Kamra tan-Nar. Minkejja d-diversi wegħdi u diskussjonijiet li ma jwasslu għal imkien minn numru ta’ Deputati u Ministri matul is-snin, sal-lum, Birkirkara għadha mingħajr kamra tan-nar biex fiha jinħadem il-logħob pirotekniku li jikkumplimenta b’ewforija l-festa tant mistennija ta’ Santa Liena.
Mela, kienet naturali biżżejjed għalija li l-ġimgħa li għaddiet, kont fuq quddiem nett flimkien mal-membri ewlenin tal-Għaqda waqt Konferenza Stampa biex ningħaqad magħhom f’appell ġenwin: tuna l-Kamra tan-Nar lura.
Matul dawn l-aħħar xhur fhimt li qabel l-1982, is-Saint Helena Fireworks Factory li kienet l-Iklin fuq art tal-Proto Kolleġġjata Elenjana kienet tintuza biex fiha jinħadem in-nar tal-festa ta’ Santa Liena, qabel imbagħad ġiet rilokata b’mod temporanju f’barriera f’Tax-Xwieki fil-limiti tal-Għargħur, liema lok beda jintuża bħala kamra tan-nar li għadha hemmhekk sal-lum imma mhix tintuża minn wara l-inċident traġiku li seħħ f’Ġunju tal-2007 li fih ħallew ħajjithom 5 vittmi.
Minn dak iż-żmien ’il quddiem, l-Għaqda ilha ssib diffikultà f’oħra f’tentattiv sabiex il-lok ikun mogħti lura bħala kamra tan-nar li fiha jinħadem ix-xogħol pirotekniku għall-festa. Minkejja kull tentattiv, sal-lum, il-kamra tan-nar għad ma għandhiex il-permessi meħtieġa biex topera minn wara l-2007.
Fil-ġimgħat li għaddew, jien personalment għaddejt diversi suġġerimenti li fl-opinjoni tiegħi għandhom ikunu t-triq ’il quddiem biex Birkirkara mill-ġdid ikollha kamra tan-nar li fiha jittella’ x-xogħol għall-Festa, u wegħedt l-appoġġ u s-sostenn kontinwu tiegħi fil-kawża, kemm bħala Kunsillier Lokali, bħala Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss u kemm fl-eventwalità li nkun fil-Parlament.
Nikkonkludi billi nirringrazzja lil dawk kollha li ngħaqdu flimkien għal din il-kawża, biex flimkien iroddu lura dak li huwa ta’ Birkirkara u tal-Karkariżi.