Nagħtu l-Ġonna Pubbliċi lin-Nies
-
in Aħbarijiet
F’ċirkostanzi fejn il-lokalitajiet tagħna qegħdin dejjem jitilfu mill-ispazji rikreattivi għall-familji, it-tfal, iż-żgħażagħ u l-anzjani tagħna li jgħixu fil-komunità, irridu Kunsilli Lokali aktar konxji mill-importanza li dawn l-ispazji għandhom, imma wkoll l-importanza li jservu l-għanijiet tagħhom ħielsa minn kull abbuż. Fl-istess waqt, irridu nassiguraw li l-ebda spazju miftuħ jew ġnien pubbliku ma jkun ta’ inkonvenjent għar-residenti li jabitaw fl-inħawi. Għalkemm fil-Kunsill tlabt kemm-il darba biex jitwaqqaf task-force li jaħdem sabiex il-ġonna pubbliċi f’Birkirkara jingħataw aktar attenzjoni, u għalkemm ir-residenti b’mod ġenerali mhumiex kuntenti bl-istat tal-ġonna pubbliċi fil-lokalità, b’diżappunt ngħid li sal-lum għadu mhux isir biżżejjed biex negħlbu l-isfidi kollha li għandna. Għalhekk, bħala kunsillier fil-lokalità ta’ Birkirkara ħassejt li għandi rressaq ’il quddiem 10 proposti konkreti kif għandha tkun indirizzata l-problema tal-ġonna pubbliċi f’Birkirkara.
Il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara għandu:
Jassigura li jitwaħħlu aktar sinjali f’kull ġnien pubbliku li jindikaw li fil-konfini tal-playgrounds ma jistax isir tipjip skont l-Avviż Legali 493 tal-2011 sabiex jonqos kull abbuż relatat mat-tipjip.
Jgħaddi Bye-Law li tipprojbixxi x-xorb alkoħoliku fil-ġonna pubbliċi kollha f’Birkirkara sabiex ikun evitat li jinġemgħu gruppi ta’ nies jixorbu xorb alkoħoliku u jkunu ta’ periklu, dan fid-dawl li diversi lokalitajiet għandhom tali Bye-Law li tipprojbixxi x-xorb alkoħoliku fit-toroq b’mod ġenerali. Qed ikun suġġerit li f’Birkirkara, tgħaddi Bye-Law li tipprojbixxi x-xorb fil-ġonna pubbliċi biss.
Jassigura li l-ġonna pubbliċi kollha f’Birkirkara jingħalqu wara ħin stabbilit minn dan l-istess Kunsill Lokali u fejn ma hemmx mezz ta’ kif jingħalqu l-ġonna, il-Kunsill jagħmel mezz li jagħlaq il-konfini sabiex ikunu jistgħu jingħalqu matul il-lejl u jinfetħu filgħodu f’ħin stabbilit ukoll mill-istess Kunsill Lokali.
Jenfasizza fuq l-importanza li jsiru aktar spezzjonijiet mill-Pulizija tal-lokal u fejn hemm bżonn il-Kunsill jimpjega (anke jekk b’mod temporanju) servizzi ta’ sigurtà li jissorveljaw il-ġonna kollha u b’mod regolari bħalma hemm diġà fi Ġnien l-Istazzjon.
Jitwaħħlu aktar sinjali li jindikaw li fil-ġonna pubbliċi l-klieb ma jistgħux jitħallew iħammġu u fl-istess waqt jiġu installati numru konsiderevoli ta’ dog-bins fil-ġonna. Irid ikun stabbilit u b’mod ċar li fiż-żona fejn jilagħbu t-tfal, il-klieb ma jistgħux iħammġu u għall-ebda raġuni.
Isir sforz qawwi biex il-ġonna pubbliċi kollha jkunu mdawla sewwa u fejn hu possibbli u meħtieġ taħt is-sorveljanza tal-kameras.
Jistabbilixxi sett ta’ regolamenti speċifiċi għal kull ġnien pubbliku biex jinqatgħu l-abbużi kollha, bħal pereżempju liema etajiet jistgħu jużaw tali tagħmir u liema tip ta’ attività tista’ ssir fil-konfini tal-ġonna.
Iniedi għadd ta’ inizjattivi b’kollaborazzjoni mal-iskejjel u l-Kunsill għall-Arti sabiex il-ġonna pubbliċi jissebbħu mit-tfal tagħna fil-lokal, bħalma sar riċenti f’Ħaż-Żebbuġ.
Jassigura li fejn hu possibbli jsir/jiżdied tagħmir inklussiv sabiex it-tfal kollha jkollhom fejn jilagħbu u jieħdu gost.
Iwaqqaf task-force sabiex ikun assigurat li l-ġonna jkunu mħarsa, nodfa, siguri mill-abbużi u li ssir il-manutenzjoni b’mod regolari, liema task-force iżżomm kuntatt kontinwu mal-istess Kunsill Lokali u mal-Pulizija tal-lokal.
Dawn il-proposti li qed irressaq ’il quddiem għandhom jagħtu nifs ġdid lir-residenti Karkariżi li sal-lum mhumiex sodisfatti bl-istat ta’ għadd ta’ ġonna li għandna f’Birkirkara. Jien disponibbli biex nagħti kull kontribut possibbli f’kull rigward, bħal dejjem.