Tislima umli lil Oliver

“Kieku ma kinitx teżisti l-mewt, ma kienet teżisti la l-filosofija u lanqas il-poeżija”. Lill-Professur Oliver Friggieri, hekk niftakru, jikkwota lil Schopenhauer. Din hija l-frażi li nibqa’ nattribwixxiha lilu għaliex mhux biss għax hija frażi li jikkwotaha biex jagħti aktar ħajja lill-ideal tal-poeżija, imma għaliex Friggieri verament fehem ir-relazzjoni bejn il-poeżija, il-filosofija u l-eżistenza essenzjali tal-bniedem li jaħseb u li jagħraf jiddistingwi lil għemilu mill-annimal minħabba r-raġunar ta’ Aristotli li jqis lill-bniedem bħala annimal soċjali u allura razzjonali, u għax għandu l-fakultà li jaħseb, jaf bl-eżistenza kerha tal-mewt. Inħoss li għal Oliver, il-mewt hija r-raġuni fundamentali li għaliha aħna bħala bnedmin neħtieġu l-letteratura, din l-espressjoni fil-forom diversi tagħha li tagħti l-libertà lill-ispirtu intern tal-bniedem biex jgħarbel il-ħajja fil-wesgħat kollha tagħha u joħloqha fil-qafas tal-limitazzjoni tal-istess espressjoni. 

Oliver Friggieri għaraf minn ħafna qabel, dak li dan in-nazzjon fehem ħafna u ħafna  snin wara, u għalhekk illum nifhmu, aktar minn qatt qabel kemm kellu viżjoni nazzjonali, espress fil-letteratura u fil-kitbiet soċjopolitiċi tiegħu li ħallew l-impatt tagħhom fi żmienhom, illum u għaż-żmien li ġej. Jekk il-Professur Friggieri fehem id-distinzjonijiet tal-mentalità magħluqa minħabba l-oppressjoni ta’ poplu msejjes fuq kultura ta’ aħmar jew ta’ blu; kultura li baqgħet grata lejn l-allat foloz bħalma kienet eluf ta’ snin ilu, allura fehem dak li jagħmilna Maltin, dak li jagħmilna nazzjon li jemmen fir-Repubblika u fil-Indipendenza. Din it-tifsira, espressa b’versi kesħin għalkollox naraha fil-poeżija klassika tiegħu ‘L-akbar mass meeting’, il-poeżija li tinkwadralna l-identità tagħna bħala poplu fqir mogħmi fil-ħlieqa tal-politika tal-partiti anke fl-aktar avvenimenti serji bħall-Ġimgħa l-Kbira, għax anke quddiem Ġesù Kristu, aħna “ta’ ħomor u ta’ blu trid tagħraf razza”. 

Oliver imma, jafferma dak li llum sar deċiżiv u minqux ma’ isem pajjiżna, sa mis-snin tmenin. Fir-rumanz tiegħu ‘Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri’, jikteb dan il-kliem li issa qed jaqbad jidher minn perspettiva eqreb lejn id-DNA tagħna bħala poplu li baqa’ ma fehem xejn dwaru nnifsu: “F’dil-gżira m’hawnx ħlief gazzetti, kulħadd għandu xi jgħid, kulħadd jimla l-paġni bħallikieku xejn. U m’hawnx ħlief radju u televiżjoni jreddnu u jreddnu. Qed tara Ċebru, m’hawnx fejn tikteb u lanqas fejn titkellem. Għalhekk se jkolli nikteb fuq il-ħitan tat-toroq, għax il-ħitan għoljin u wiesgħa ta’ art ħielsa għalhekk qegħdin: huma paġni li għandhom jimtlew b’kulma trid tikteb biex jaqrahom kulħadd...” Jien u nvara ftit ħsebijiet flimkien biex nikteb din l-opinjoni umli, ftakart f’din is-silta u meta qrajtha, u qrajtha mill-ġdid, fhimt aktar għaliex Oliver huwa tal-futur u mhux tal-passat, huwa ta’ dejjem u mhux tal-bieraħ. Ma nistax ma niqafx u nagħmel xebh mal-aħħar frażi li kitbet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia “There are crooks everywhere you look now, the situation is desperate”, esposta fuq il-‘ħajt’ biex dehret ilbieraħ, u tidher dejjem, hekk kif tqanqal mhux biss il-ħama tal-qiegħ li fih niżel pajjiżna meta qatel il-libertà tal-kelma, imma wkoll l-istat tal-biki li ninsabu fih, tant li ninsabu oppressati minn dinja misjuqa mill-kliem irħis tal-Facebook, miż-żfin stupidu tat-Tik Tok, mill-banalità serja ta’ poplu li ma jafx jaħseb dwar għada imma huwa mgħaddas fil-kontemporanjetà ta’ issa u issa biss skont dak li jgħidu l-orkali tal-Partiti skont kif jaqbel lilhom biss. Dan qiegħed joħnoq il-vuċijiet ta’ min irid jaħseb, ta’ min irid jimraħ fil-ħsieb sabiex isib ir-raġunijiet għalfejn il-mewt hija f’relazzjoni dejjiema mal-filosofija u l-poeżija, tant li l-kitba qed issir irrelevanti, u f’kakofonija ta’ soċjetà li ma tafx tikteb, taħseb, tanalizza, irridu nduru lejn il-kitba fuq il-ħajt biex nifhmu l-identità kurrenti ta’ poplu li narah espress f’din il-frażi meħuda minn kapolavur ieħor minn tiegħu, ‘Il-Gidba’: “Ir-raġel sema’ u ma semax, baqa’ miexi medhi fil-logħob kurjuż tal-kelb ixammem kontinwament u jħuf bla direzzjoni ’l hawn u ’l hinn, issa qrib saqajh u issa n-naħa l-oħra, skont il-ġibda taċ-ċinga...” Hekk il-Maltin tal-lum, ‘liberi’ jħufu, imma għal dejjem imrażżna miċ-ċinga tal-politika li għamlet minn poplu ġiżimin li qatt ma jiftaħ. 

Oliver Friggieri jibqa’ għal dejjem il-filosofu tal-“jekk”, għaliex ma jasal qatt jingħalaq b’argument li ma jmurx lura minnu, ifettqu u jkissru u jibnih mill-ġdid. Il-ħsieb fluwidu tiegħu, jibqa’ jistaqsi, illum u għada, għax “il-ħajja mistoqsija – miġbura f’elf għaliex – u ssirlek poeżija – jekk int ma tweġibhiex”.

Nagħlaq din it-tislima umli bil-messaġġ li ktibt fuq il-profil tal-Facebook tiegħi, meta tħabbret mewtu: “Għażiż Oliver, grazzi tal-wirt letterarju u nazzjonali li qed tħalli warajk, u fuq livell personali, grazzi talli sal-aħħar ftit bqajt issejjaħli b’ismi, tifraħ bija meta tarani u tersaq lejja biex tagħtini l-pariri politiċi. L-aħħar darba li tkellimna għedtli hekk: “ikber imma tikbirx, ibqa’ umli, u qatt tħalli l-korruzzjoni tagħmik...”

Grazzi talli nissilt fija l-imħabba lejn il-letteratura, talli wellidt fija l-ispirazzjoni li ngħallem b’konvinzjoni, bi mħabba u determinazzjoni... U grazzi talli dejjem emmint fil-kitbiet letterarji tiegħi. Int tibqa’, għal dejjem, fjura li ma tinxef qatt.”